Monday, December 9, 2024

Liverpool jirbħu l-League Cup għall-10 darba

Aqra wkoll

Chelsea ……….0

Liverpool ………1

Bi 11-il player regolari mweġġgħin, Liverpool utilizzaw bosta players tal- Akkademja biex fil-finali tal-League Cup għelbu lil Chelsea, li kellhom skwadra sħiħa bl-eċċezzjoni ta’ Thiago Silva, bl-iskor ta’ 1-0 liema goal wasal żewġ minuti mit-tmiem tal-ħin barranin.

Din kienet l-10 darba li Liverpool rebħu din il-kompetizzjoni li huwa rekord assolut.

Kemm ilu jeżisti l-football Ingliż, qatt ma team f’finali kellu jirrikorri għal players żgħażagħ biex jirbaħ unur … li r-Reds jistgħu jiftaħru li utilizzaw sitta minnhom.

Għal Chelsea, din kienet umiljazzjoni kbira li matul dawn l-aħħar żewġ swieq tat-trasferiment laħqu l-£1 biljun fuq players ġodda.

Intant, fil-25 minuta, Li­verpool tilfu lil Ryan Gravenberch meta Moises Caicedo kkommetta dak li deher foul professjonali fuqu. Kulħadd antiċipa li se jintwera l-karta l-ħamra iżda lanqas il-karta s-safra ma ntwera hekk kif il-VAR iġġudika li Caicedo ‘żelaq’ … filwaqt li Gravenberch inħareġ fuq stretcher.

Fl-34 minuta, Chelsea ħasbu li fetħu l-iskor minn Raheem Sterling iżda fil-proċess Nicolas Jackson kien f’pożizzjoni ta’ offside.

Fl-40 minuta, Liverpool kienu sfortunati meta daqqa ta’ ras ta’ Cody Gakpo ħabtet ma’ sieq il-lasta.

Fis-60 minuta, Virgil van Dijk skorja għal Liverpool iżda l-goal ġie mħassar b’mod kontroversjali meta l-VAR iġġudika li Wataru Endo kien f’pożizzjoni ‘ineżistenti’. 

Ftit wara, Conor Gallagher laqat il-lasta għal Chelsea u proprju fl-aħħar minuti il-Pensioners setgħu rebħu meta kellhom tliet tentattivi salvati minn fuq il-linja fatali.

Fil-ħin barrani, kulħadd ħaseb li Liverpool kienu se jikkrollaw iżda l-players żgħażagħ qamu għall-okkażjoni u meritatament ħarġu rebbieħa.

Il-goal wasal żewġ minuti mit-tmiem meta Virgil van Dijk xeħet fir-rokna tax-xibka bir-ras mill-corner ta’ Kostas Tsimikas.

Ekonomija

Sport