Wednesday, November 27, 2024

“It-telework fis-servizz pubbliku qatt ma tneħħa jew twaqqaf” – L-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti Ewlieni

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

L-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti Ewlieni jirreferi għal li ntqal mill-UĦM dwar it-telework kif irrappurtat minn diversi mezzi tal-media.

It-telework fis-Servizz Pubbliku qatt ma tneħħa jew twaqqaf, anzi s-Servizz Pubbliku jista’ jiftaħar li, flimkien ma’ konċessjonijiet oħra li jingħataw lill-impjegati tiegħu, huwa tabilħaqq u mingħajr dubju leader fejn jidħol il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja personali.

Hija din l-esperjenza mżewqa ma’ investiment ta’ mija u ħamsin miljun ewro fit-teknoloġija, ir-rieda u l-ħila tal-uffiċjali pubbliċi, li wasslu biex meta kien hemm il-bżonn xorta ngħataw is-servizzi governattivi. Flok ma ngħataw mill-uffiċini xorta twasslu mid-djar tal-impjegati.

Terġa’ u tgħid, din il-bidla saret mil-lejl għan-nhar.

Minn dakinhar ’il hawn, għalkemm id-direttivi rispettivi li nħarġu mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti Ewlieni tneħħew, id-direzzjoni baqgħet li t-telework jibqa’ jingħata.

Wieħed irid ifakkar li fl-eqqel tal-imxija tal-Covid-19 fil-bidu tas-sena, mill-ewwel kienet saret analiżi biex tistħarreġ id-difetti maniġerjali u tekniċi tax-xogħol lil hinn mill-uffiċċju (remote working).

Ir-riżultat diġà ġie mgħarbul u issa beda x-xogħol biex minn telework is-Servizz Pubbliku jmur għar-remote working. B’hekk, is-Servizz Pubbliku se jkompli jkun pijunier u mudell ta’ kif wieħed għandu jilħaq bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja. Dan mhux biss minħabba l-imxija imma biex ikun proċess ta’ kuljum.

Dwar il-punti l-oħra li tqanqlu fl-ittra tal-UĦM, l-istruzzjonijiet dejjem kienu ċari u msejsa fuq il-linji gwida li jinħarġu mid-Dipartiment tas-Saħħa.

Sport