Jekk hemm xi ħaġa li dwarha nissimpatiżża mal-għanijiet tal-amministrazzjoni Trump fl-Istati Uniti din hi l-importanza li Trump jagħti lill-manifattura, kemm fl-interess nazzjonali u kemm biex jiġu salvagwardjati in-normi tal-għajxien u l-impjiegi tal-ħaddiema tal-manifattura. (Hi ħaġ’oħra jekk hux qed jagħmel hekk b’mod effettiv, realistiku u koerenti.)
Bil-maqlub ta’ x’jgħid Trump, mill-mod kif inhi organizzata d-dinja ekonomiku u kummerċjali, b’mod globali, l-aqwa vantaġġi dejjem kienu u għadhom tal-Istati Uniti. Talanqas fl-oqsma finanzjarji, tal-internet u tal-komunikazzjoni, tat-teknoloġija, li huma l-aqwa kolonni ekonomiċi moderni. Imma hu veru wkoll li waqt li l-oqsma tas-servizzi saru dominanti, il-manifattura Amerikana baqgħet sejra lura: l-impjiegi u l-investimenti marru f’pajjiżi li jew protetti tajjeb mill-kompetizzjoni barranija jew bi strutturi ta’ pagi baxxi.
Mhux għaqal li pajjiż iħalli l-manifattura tisparixxi jew tiddghajjef iżżejjed, ukoll l-isnajja u l-ħiliet organizzattivi li din tinqeda bihom.
IPPJANAR LOKALI
Wieħed jiddubita kemm isir ippjanar serju fit-tmexxija ta’ x’jiġri f’lokal jum b’jum. Mhux l-ewwel darba li toroq qrib u konnessi ma’ xulxin jingħalqu għal raġuni jew oħra (l-aktar bini jew xogħlijiet tat-toroq, imma mhux biss) bir-riżultat li jinħolqu inkonvenjenzi kbar għaċ-ċittadini għax it-traffiku jiġġammja, il-parkeġġi jonqsu bil-kbir u t-tniġġis tal-arja jikkonċentra u jinfirex. Biex tagħqad, ċerti miżuri li jittieħdu għall-imblokki tat-toroq jidhru li jsiru b’mod ripetut u arbitrarju.
Il-problema mhijiex biss dik tas-soltu – nuqqas ta’ inforzar; imma wkoll waħda ta’ nuqqas ta’ kordinament u ippjanar bejn l-entijiet involuti, kemm lokali u ta’ spiss ukoll nazzjonali.
INKONVENJENZI TURISTIĊI
Ma jistax jonqos li se jiġri hawn bħal ma qed jiġri f’żoni Ewropej oħra li qed ikollhom intensità turistika qawwija. Il-bidliet li dan qed iġib fil-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadini jqanqlu diżgwid u rabja. Sa issa fostna għadna ma wasalniex għall-istadju ta’ protesti fit-toroq u anke sforzi mhux uffiċjali imma popolari biex it-turisti jingħataw fastidju ħalli jiġu anqas minnhom. Imma bla dubju naslu, forsi dalwaqt.
Skond ċertu kejl li jsir, l-intensità turistika f’Malta hi fost l-aktar… jekk mhux l-aktar… qawwija fl-Ewropa. Attwalment u skont il-pjani li ġew publikati sa issa, waqt li t-turiżmu hu l-aqwa mutur ekonomiku tal-pajjiż, l-istennija hi li l-importanza tiegħu se tkompli tikber. Jekk diġà jeżisti ċertu dwejjaq bil-problemi li qed joħloq, dawn sejrin jiżdiedu bil-kbir.
Dwejjaq hekk la tista’ tinjorahom, u lanqas ittaffihom għal kollox. Tal-ewwel tkun strateġija perikoluża għax tissogra li d-dwejjaq isir splussiv. Tat-tieni, impossibbli. Biss żgur li jista’ u għandu jsir pjan ta’ ħidmiet konkreti fi sforz ħalli d-dwejjaq jittaffa.