Wednesday, December 25, 2024

IT-TELFIET RUSSI F’10 T’IJIEM TA’ GWERRA

Aqra wkoll

L-invażjoni ta’ truppi Russi fl-Ukrajna daħlet fl-għaxar jum tagħha. Kunflitt li fl-aħħar sigħat komplejna naraw attakki dejjem aktar qawwija minn naħa tar-Russi. Mill-banda  l-oħra ir-reżistenza Ukrena hi qawwija ħafna. Reżistenza li mistennija tkompli turi aktar snienha, hekk kif aktar Ukreni qed jaqbdu l-armi biex jiddefendu lil pajjiżhom.

F’dawn l-għaxar ijiem ta’ gwerra qed jidhru dejjem aktar biċ-ċar telfiet għar-Russja u għal Putin. Mhux qed nitkellmu fuq telfiet marbutin mal-aspett militari, għalkemm anki hawn, b’mod regoli u kontinwu qed naraw il-militar Russu jitlef tagħmir u suldati.

Jekk wieħed janalizza dak li kien għaddej u kif intlaqgħet l-aggressjoni Russa fl-Ukrajna, wieħed faċilment jasal għall-konkużjoni li f’dan il-kunflitt diġÀ jidhru sew telfiet għar-Russi.

L-ewwel telfa, hi dik ta’ kif dan il-kunflitt għaqqad lill-Unjoni Ewropea. Sa ftit tax-xhur ilu anke fejn tidħol il-pandemija rajna nuqqas ta’ għaqda fl-Unjoni Ewropea u pajjiżi jiġbdu għal rashom. L-azzjoni Russa wasslet biex rajna Unjoni Ewropea taġixxi b’mod immedjat. Mhux biss imma aġixxiet b’mod deċiżiv, bi front komuni. Għall-ewwel darba fl-aħħar xhur, qed naraw Unjoni Ewropea b’saħħitha u magħquda. Nemmnu li dan żgur mhux dak li xtaqt Putin.

Ma nistgħux ma nħarsux lejn in-NATO. Anki hawn, naraw telfa oħra Russa. Ma ninsewx li n-NATO u b’mod partikoari is-saħħa tagħha fl-aħħar snin kienet naqset drastikament. Dan seħħ anki għal mod kif ġiet trattata taħt il-Presidenza ta’ Donald Trump. Fi ħdan l-istess NATO fl-aħħar snin ġiet diskussa id-dgħjufija tal-istess NATO u l-bżonn li din tissaħħaħ. M’hemmx dubju li Putin ried li n-NATO tibda dgħajfa. Dan il-kunflitt imma bidel is-sitwazzjoni ta’ taħt fuq. Illum in-NATO hi magħquda aktar minn qatt qabel. Apparti dan l-importanza tagħha żdiedet, l-istess kif żdiedu l-ilħna li qed jitkellmu fuq il-bżonn li n-NATO tissaħħaħ aktar militarment.

Kellek imbagħad iċ-ċittadini Russi u Ukreni u kif se jħarsu lejn il-kunflitt, fejn anki hawn Putin u r-Russja kienu żbaljati kompletament. Fejn jidħlu l-Ukreni ma stennewx dik ir-reżistenza qawwija, fejn prattikament in-nazzjon ingħaqad biex jiddefendi it-territorju. Fir-Russja imbagħad rajna ċittadini jipprotestaw bla biża. Aktar minn hekk, persuni li saru sinjuruni taħt it-tmexxija ta’ Putin, għażlu li ma jappoġġjawhx u qed joħorġu kontra din il-gwerra.

Telfa oħra għall-Putin sa issa f’dan il-kunflitt hi fejn jidħlu alleati tiegħu. Rajna pajjiżi li soltu jappoġġjawh, fejn din id-darba qagħdu lura. Fost dawn kien hemm iċ-Ċina fost pajjiżi oħra, li fl-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti ma tawx appoġġ lir-Russja. Donald Trump u anke Silvio Berlusconi, li m’hemmx dubju dwar il-ħbiberija tagħhom ma’ Putin, tkellmu kontra din il-gwerra.

Ma’ dawn imbagħad għandek telfa oħra. Dik li banek Russi tneħħew mis-sistema magħrufa bħala Swift., sistema li tgħaqqad l-istituzzjonijiet finanzjarji madwar id-dinja. Dan ifisser li r-Russja għandha restrizzjonijiet kbar biex tagħmel kummerċ mal-bqija tad-dinja u dan b’effett kbir fuq l-ekonomija tagħha u li finalment se jolqot fil-laħam il-ħaj liċ-ċittadini Russi.

M’hemmx dubju li t-triq ‘lquddiem mhix l-invażjoni. Mhumiex l-isparar tal-missili jew konvojs militari. It-triq l-quddiem mhux it-theddid b’armi oħra. It-triq il-quddiem hi li jieqaf il-kunflitt u l-problemi jibdew jiġu diskussi madwar il-mejda bejn dawk involuti. 

Ekonomija

Sport