Thursday, April 16, 2026

It-tfal taħt l-14-il sena għandhom jitħallew jużaw il-media soċjali?

Minn Remenda Grech

Aqra wkoll

Fl-aħħar snin, il-kwistjoni tal-użu tal-media soċjali mit-tfal saret waħda mill-aktar diskussi, kemm f’Malta kif ukoll madwar id-dinja. Il-Partit Laburista, permezz tal-Prim Ministru Robert Abela, diġà indika li hemm bżonn ta’ diskussjoni dwar dan. Fil-fatt, ġie propost li jkun hemm restrizzjonijiet għal tfal taħt it-13-il sena, b’possibbiltà li dawn jestendu għal etajiet oħra  . Madankollu, il-Gvern esprima wkoll li ma jaqbilx ma’ “ban” totali, billi jqisu bħala miżura estrema u diffiċli biex tiġi infurzata.

Dan juri li hemm bilanċ delikat bejn il-protezzjoni tat-tfal u l-libertà tagħhom. Imma l-mistoqsija tibqa’, għandna nħallu tfal taħt l-14-il sena jużaw il-media soċjali?

Jiena nemmen li le, tfal taħt l-14-il sena m’għandhomx jitħallew jużaw il-media soċjali. Ir-raġuni ewlenija hija sempliċi, moħħhom għadu mhux żviluppat biżżejjed biex jifhem u jlaħħaq mal-isfidi li ġġib magħha d-dinja diġitali. Il-media soċjali mhijiex biss divertiment, hija spazju fejn hemm pressjoni soċjali, bullying, dipendenza u anke manipulazzjoni.

Studji u esperjenzi reali juru li tfal jistgħu jiġu affettwati serjament minn dak li jaraw online.

Madankollu, jekk naħsbu li soluzzjoni sempliċi hija “ban” biss, inkunu qed niżbaljaw. Għalkemm jiena naqbel ma’ projbizzjoni għal età żgħira, ma nistgħux nieqfu hemm. Jekk nagħmlu biss “ban”, mingħajr edukazzjoni, inkunu qed nittraskuraw il-problema vera.

Il-verità hi li anke wara l-14-il sena, iż-żgħażagħ xorta jkollhom bżonn ħiliet biex jikkontrollaw lilhom infushom. Il-media soċjali ma ssirx sigura sempliċement għax xi ħadd għalaq 14 jew 16-il sena. Għalhekk, huwa essenzjali li ninvestu fl-edukazzjoni dwar self-discipline u self-control.

Dan ifisser li fl-iskejjel u fid-djar irridu ngħallmu lit-tfal kif jikkontrollaw il-ħin tagħhom online, jifhmu x’inhu veru u x’inhu falz, jirrispettaw lil ħaddieħor fuq il-media soċjali, jirreaġixxu għal bullying jew pressjoni. 

Jekk ma nagħmlux dan, inkunu qed noħolqu ġenerazzjoni li, malli tgħaddi l-età tal-“ban”, tidħol fid-dinja diġitali bla gwida u bla preparazzjoni. 

Għalhekk, l-aħjar triq hija waħda bilanċjata. Għandna nintroduċu restrizzjonijiet ċari għal tfal taħt l-14-il sena, biex nipproteġuhom f’fażi sensittiva tal-iżvilupp tagħhom. Imma fl-istess ħin, irridu ninvestu serjament fl-edukazzjoni u fil-formazzjoni tal-karattru tagħhom. 

Il-politika għandha tħares lil hinn minn soluzzjonijiet faċli. Ban waħdu mhux biżżejjed. Edukazzjoni waħedha wkoll mhux biżżejjed. Għandna bżonn it-tnejn flimkien.

Fl-aħħar mill-aħħar, l-għan tagħna m’għandux ikun biss li nillimitaw l-użu tal-media soċjali, imma li nrawmu żgħażagħ li huma kapaċi jużawha b’mod responsabbli. Għax il-problema mhix biss it-teknoloġija imma kif nużawha.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport