L-Ewroparlamentari Malti u Viċi President tad-Delegazzjoni Ewropea għall-Iran Daniel Attard iltaqa’ mas-Segretarju Ġenerali tal-Partit Demokratiku tal-Kurdi fl-Iran Mustafa Hijri, li qed jirrappreżenta ukoll lill-alleanza tal-Partiti Kurdi fl-Iran – alleanza kruċjali u importanti ħafna jekk se jkun hemm bidla fir-reġim fl-Iran
L-Ewroparlamentari Attard iltaqa’ miegħu fil-marġini ta’ laqgħa importanti li saret fil-Parlament Ewropew fejn il-Kumitat għall-Affarijiet Barranin laqqa’ l-forzi tal-Oppożizzjoni Iranjana bil-għan li tiżdied il-pressjoni politika u diplomatika biex finalment ikun hemm bidla fir-reġim.
Waqt din il-laqgħa Attard u Hijri iddiskutew l-iktar punti pertinenti u valuri komuni fosthom il-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem u l-ħtieġa li kwalunkwe tranżizzjoni politika tkun waħda demokratika u inklussiva, bl-involviment tal-komunitajiet kollha li jiffurmaw il-poplu Iranjan. Hijri fisser kif mir-revoluzzjoni ‘l hawn, ir-reġim Iżlamiku Iranjan wettaq repressjoni assoluta fuq il-poplu u għalhekk huwa ċar li 47 sena ta’ djalogu ma’ ġabu ebda bidla fl-għemil brutali tar-reġim. F’dan il-kuntest, Hijri kkonkluda li hija biss bidla fir-reġim li tista’ twitti t-triq għall-ġustizzja, libertà u dinjità għall-poplu Iranjan.
Min-naħa tiegħu Daniel Attard qal li għandu jkun il-poplu Iranjan li jfassal il-futur tiegħu stess u għalhekk saħaq li din il-bidla trid tiġi mill-poplu innifsu u mhux imposta mill-forzi esterni, kif seħħ fl-imgħoddi. F’dan ir-rigward, l-Ewroparlamentari Laburista żied li l-akbar sfida f’dan il-waqt mhux biss ir-reġim innifsu, imma l-għaqda fost il-komunitajiet diversi – liema għaqda hija indispensabbli biex jinkiseb l-għan aħħari u komuni: il-ħelsien tal-poplu Iranjan.

