Sunday, November 24, 2024

IT-TIBDIL FIL-KLIMA GĦADU THEDDIDA

Aqra wkoll

L-aħħar data miġbura minn xjenzati ewlenin dwar il-klima turi li Marzu ta’ din is-sena kien l-aktar sħun minn mindu bdew jinżammu r-rekords dwar it-temperaturi. Dan juri li t-tibdil tal-klima mhux biss ma trażżanx imma qed ikompli jaggrava aktar. 

Fil-fatt it-temperaturi li d-dinja li esperjenzat f’dawn l-aħħar snin juru li s-sħana żdiedet ferm u ferm aktar milli kienet qabel ma l-bniedem beda juża l-fjuwils fossili. Diġà bdejna naraw effetti diżastrużi f’pajjiżi madwar id-dinja, hekk pereżempju nistgħu nsemmu l-gżira ta’ Sqallija fil-ġimgħat li għaddew sofriet nixfa kbira minħabba nuqqas ta’ xita. Jekk dawn l-effetti se jibqgħu għandna għax nifhmu illi art agrikola ma jdumx wisq ma tinbidel f’deżert.

Hawn nistaqsu f’Malta x’qegħdin nagħmlu biex kemm jista’ jkun inċekknu mill-effetti tat-tibdil fil-klima. Bla dubju pajjiżna mhuwiex b’idejh fuq żaqqu dwar dan. U l-Gvern jidher li jinsab impenjat biex jieħu, kif diġà ħa, miżuri li għandhom l-għan li jtaffu minn dawn l-effetti. Biżżejjed insemmu li matul is-sena li għaddiet, tħawlu mal-54,000 siġra u arbuxelli madwar pajjiżna.

Ma’ dawn hemm ukoll miżuri oħra ta’ trasport pubbliku b’xejn għal kulħadd, l-estensjoni tas-sussidju fuq vetturi elettriċi, l-investiment qawwi f’enerġija rinovabbli, it-teknoloġija shore-to-ship fil-portijiet, u r-riċiklaġġ ta’ prodotti tal-plastik fost oħrajn. Dawn il-miżuri qed iħallu effetti pożittivi tant li f’dawn l-aħħar 10 snin il-Gvern diġà l-emissjonijiet mis-settur tal-enerġija b’60%, b’konformità mal-Għanijiet tal-Iżvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti. 

Dan kollu jorbot mat-tibdil fil-klima u kien għalhekk li l-Gvern qed jiffoka fuq it-twaqqif ta’ Awtorità dwar l-Azzjoni fil-Klima. Din se tkun Awtorità li se toffri direzzjoni għal pajjiżna b’deċiżjonijiet ibbażati fuq ix-xjenza u t-teknoloġija. Dan juri s-sensibilità u s-serjetà li biha l-Gvern din il-kwistjoni ta’ importanza urġenti. 

Huwa kollu minnu li t-tibdil fil-klima ma jolqotx lil pajjiżna biss imma lill-pajjiżi kollha tad-dinja. Għalhekk fil-każ tagħna bħala poplu għandna dmir li nkunu responsabbli fl-użu tar-riżorsi u nagħmlu l-parti tagħna wkoll biex kemm jista’ jkun innaqqsu l-emissjonijiet fl-istess waqt li nibżgħu għall-ambjent naturali li aħna mdawrin bih. 

Sport