Wednesday, December 25, 2024

“It-tibdil fil-klima għandu jibqa’ fuq quddiem nett fl-aġenda” – Il-PM Robert Abela

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Fid-diskors tal-Prim Ministru Robert Abela waqt li kien qed jindirizza s-Summit tal-EUMED9 fil-Kapitali Griega, Ateni foka fuq it-tibdil fil-klima filwaqt li tkellem dwar temi oħra importanti bħalma huma l-immigrazzjoni, il-pandemija u l-Afganistan.

Rigward it-tibdil fil-klima, Abela sostna li hija tema li għandha tibqa’ fuq nett fl-aġenda tal-mexxejja tal-Unjoni Ewropea. Il-Prim Ministru Malti ddeskriva l-Mediterran bħala l-‘climate change hotspot’ u li dak li qed nesperjenzaw huwa biss il-bidu. Kien hawnhekk li esprima simpatija mal-pajjiżi u ċ-ċittadini milqutin minn diżastri naturali. Abela qal li l-Unjoni Ewropea trid tkompli tmexxi bl-eżempju f’din il-ġlieda anke fil-laqgħa li jmiss tal-COP26 li se ssir fi Glasgow.

Abela żied jappella li għandu bżonn ikun hemm koperazzjoni reġjonali mal-imsieħba fil-Mediterran sabiex jiġu adattati strateġiji u miżuri ta’ mitigazzjoni li jkunu effettivi, filwaqt li setturi bħalma huma t-tbaħħir u l-avjazzjoni jibqgħu jingħataw prijorità.

Abela tkellem dwar il-paċi, is-sigurtà u l-istabbilità fil-Mediterran kollu bħala xi ħaġa kruċjali fejn l-approċċ komuni jkun iċ-ċavetta mhux biss għar-reġjun Mediterran imma anke għall-Ewropa kollha.

Il-Prim Ministru esprima solidarjetà ma’ Ċipru għal kriżi politika li għaddejja mat-Turkija, u qal li hemm bżonn ta’ djalogu biex tissolva din il-kwistjoni. Qal iżda li t-Turkija huwa pajjiż importanti għal dan ir-reġjun, anke minħabba l-koperazzjoni mal-Unjoni Ewropea fejn tidħol l-immigrazzjoni.

Dwar l-Afghanistan qal illi bħalissa teżisti sfida kbira minħabba nuqqas ta’ sigurtà kriżi umanitarja. Huwa qal li dawn l-isfidi jistgħu jwasslu għal żieda fl-immigrazzjoni illegali u t-terroriżmu fost affarijiet oħra. Abela sostna li l-Unjoni Ewropea ma tistax ma tiħux azzjoni u l-pajjiżi ġirien għandhom jaħdmu mill-qrib biex jistabilizzaw l-Afganistan. Dan jgħin biex jonqos ir-riskju ta’ żieda fl-immigrazzjoni, tema li fuqha jeħtieġ li jkun hemm kordinazzjoni b’linji gwida komuni. Dwar dan, Abela qal li l-kontribut ta’ pajjiżna huwa limitat minn ċertu aspetti, iżda d-determinazzjoni politika u l-impenn ta’ pajjiżna jibqa’ b’saħħtu u sinifikanti. Il-Prim Ministru ma naqasx milli jirrimarka l-ħidma ta’ Malta anke flimkien mal-Libja li qed twassal għal riżultat mill-aqwa f’dan ir-rigward.

Dwar il-pandemija, Abela qal li din ġabet bidliet kbar fuq ir-reġjun, u sostna li issa l-prijorità għandha tkun l-irkupru b’mod sostenibbli. Faħħar il-mod kif ġiet trattata l-pandemija fuq livell Ewropew, u semma l-pjan ta’ rkupru u reżiljenza ta’ Malta, u qal li pajjiżna ddedika persentaġġ għoli sabiex jiġu finanzjati proġetti ambjentali u diġitali. Huwa tkellem dwar l-importanza taċ-ċertifikat diġitali tal-vaċċin li kien ‘game changer’ li wassal biex din is-sena ninsabu f’pożizzjoni ferm aħjar minn dik li konna fiha sena ilu.

Huwa temm jgħid dwar il-pjan ta’ rkupru ta’ Next Genereation EU hekk kif iddeskrivih bħala ftehim storiku li huwa indikattiv għas-solidarjetà Ewropea. 

Ekonomija

Sport