Wednesday, May 15, 2024

“Irridu xogħol u karrieri ta’ kwalità” – Josef Bugeja, Segretarju Ġenerali tal-GWU

Aqra wkoll

Fit-tibdil li ġabet magħħha l-pandemija fid-dinja tax-xogħol irridu nkunu aħna li nirregolaw ħalli d-drittijiet tal-ħaddiema jibqgħu bla mittiefsa. Għalhekk ma nistgħux nibqgħu nitkellmu fuq impjiegi imma fuq karrieri biex il-ħaddiema jilħqu l-aspirazzjonijiet tagħhom.

Dan sostnieh is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union waqt li lbieraħ indirizza lid-Delegati tat-Taqsima GWU Teknoloġija, Elettronika u Komunikazzjoni fil-konferenza kwadriennali tagħha.

Josef Bugeja beda d-diskors tiegħu billi rrefera għall-bidliet kontinwi li qed iseħħu fid-dinja tax-xogħol u qal li l-pandemija tal-Covid-19 wasslet biex dan it-tibdil isir b’mod iktar mgħaġġel li ħadd ma kien ppreparat għalih.

B’eżempju ta’ dawn il-bidliet huwa semma kif l-employers dejjem opponew li x-xogħol isir mid-dar imma għax il-pandemija kienet tirrekjedi li ċertu xogħol jista’ jsir mid-dar illum qed jaċċettawh u jaqblu miegħu.

Is-Segretarju Ġenerali rrimarka li llum f’pajjiżna hawn 250,000 persuna jaħdmu u 60,000  barranin. F’dan il-kuntest huwa staqsa kemm hawn li qed jidħlu jaħdmu direttament mal-post tax-xogħol jew mal-kuntrattur li wara joffri kundizzjonijiet bażiċi.

Sostna wkoll li hawn employers li flok jimpjegaw dirett huma qed jingaġġaw ħaddiema tal-kuntrattur biex jivitaw in-negozjar kollettiv u biex ma jkollhomx x’jaqsmu mal-kundizzjonijiet tal-ħadddiema bl-iskuża li dak m’humiex impjegati tiegħu imma ħaddiema tal-kuntrattur. 

Is-Sur Bugeja stqarr li din il-kwalita ta’ dinja tax-xogħol li rridu nirregolarizzaw biex il-ħaddiema jkollhom impjiegi ta’ kwalita li jagħtu kundizzjonijiet diċenti.

Semma wkoll l-isfruttament kbir tal-ħaddiema li jwasslu l-ikel fid-djar u qal li dawn la għandhom pagi u lanqas kundizzjonijiet tax-xogħol għax jitħallsu b’kummissjoni u jekk ma jwasslux l-ikel fid-djar ikollhom iħallsu għalih huma.

Huwa faħħar ukoll il-qlubija tal-ħaddiema li minkejja l-perikli tal-pandemija baqgħu jidħlu għax-xogħol biex il-post tax-xogħol tagħhom jibqa għaddej.

Huwa fakkar ukoll kif waqt il-pandemija l-ikbar żewġ problema għall-ħaddiem kienu s-saħħa u jekk għada hux se jibqa jkollu impjieg u f’dan il-waqt wera l-apprezzament tiegħu lejn dawk l-employers li minkejja l-pandemija u t-tbatija li ġabet magħha, żiedu l-pagi u tejjbu l-kundizzjonijiet tx-xogħol tal-ħaddiema tagħhom.

Is-Sur Bugeja saħaq li t-tibdil fid-dinja tax-xogħol mhux se jieqaf wara l-pandemija u sostna għaldaqstant li fost it-tibdil li jrid isir fid-dinja tax-xogħol hemm dak li f’każ li ħaddiem li jkun qed jaħdem mid-dar iweġġa’ dan għandu jiġi meqjus daqs li kieku weġġa’ fuq il-post tax-xogħol.

“Għalhekk għandna nkunu aħna stess li nikkontrollaw u nirregolarizzaw it-tibdil fid-dinja tax-xogħol biex id-drittijiet bażiċi tal-ħaddiema jibqgħu protetti għaliex aħna marbutin li lil ta’ warajna nħalluhom dinja aħjar milli sibna aħna. Għalhekk huwa essenzjali li jiżdied id-dritt mandatorju ta’ sħubija f’union tal-għażla tal-individwu.

Is-Segretarju Ġeneral teem id-diskors tiegħu billi radd ħajr lil dawk kollha li ħadmu fit-Taqsima biex il-ħaddiema membri tal-Union ikollhom ħajja aħjar. Fl-istess waqt huwa feraħ lil membri ġodda tal-Eżekutti tat-Taqsima u awguralhom ħidma sfiqa b’risq il-ħaddiema li jirrappreżentaw.

Sadanittant, l-istess konferenza kwadrennali approvat ir-rapport amministrattiv u ta’ ħidma tat-Taqsima mill-2017 sa l-2021. Inħatar ukoll Kumitat Eżekuttiv għall-erba’ snin li ġejjin u huwa ffurmat minn Joe Briffa, President, David Darmanin, Segretarju, Carmel Serracino, Assistent Segretarju u David Bugeja, Adrian Saliba, Alex Azzopardi u Daniela Pace, membri.

Joe, Briffa, David Darmanin, Carmel Serracino u Adrian Saliba huma l-membri li se jirrappreżentaw lit-Taqsima Teknoloġija, Elettronika u Komunikazzjoni fil-Kunsill Nazzjonali tal-GWU.

Sport