Sunday, November 10, 2024

It-tibdil fil-klima … Pajjiżi fqar jgħidu li ġew ittraduti mill-pajjiżi sinjuri

Aqra wkoll

It-taħditiet dwar il-klima li qed isiru bħalissa f’Bonn fil-Ġermanja daħlu fl-aħħar jum tagħhom fejn nazzjonijiet sinjuri qed ikunu akkużati li ttradixxew lill-pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw.

Pajjiżi fqar qed jinsistu li din is-sena għandha tiġi onorata l-wegħda li jiġu kkumpensati għall-ħsara li saret u li għadha ssir mill-emissjonijiet tal-pajjiżi aktar sinjuri.

Huma qed jinsistu wkoll li jiġu stabbiliti somom ta’ flus biex iħallsu għall-impatti tat-tibdil fil-klima. Iżda fid-diskussjonijiet f’Bonn, jingħad li l-kwistjoni ġiet imwarrba mill-Istati Uniti u l-Ewropa.

In-nazzjonijiet li qed jiżviluppaw argumentaw li t-tibdil fil-klima li qed jesperjenzaw kien ikkawżat minn emissjonijiet tal-karbonju li oriġinaw f’pajjiżi aktar sinjuri. Qed isostnu wkoll li l-Ewropa u l-Istati Uniti issa għandhom responsabbiltà li jħallsu għal dan it-telf u d-danni.

L-Istati Uniti u l-Ewropa ma jaqblux ma dan l-argument u qed jibżgħu li jekk iħallsu għall-emissjonijiet storiċi jistgħu jpoġġu lill-pajjiżi tagħhom responsabbli għal biljuni ta’ dollari għal għexieren kbar ta’ snin issa u fil-futur.

Il-kwistjoni waslet fl-ogħla punt tagħha fil-COP26 li kien sar fi Glasgow l-Iskozja fejn dakinhar intlaħaq dak li ġie msejjaħ “kompromess delikat”.

L-istati gżejjer u l-pajjiżi li qed jiżviluppaw jaqblu mal-patt ta’ Glasgow b’fokus kbir fuq it-tnaqqis tal-karbonju, jekk in-nazzjonijiet aktar sinjuri finalment jistabbilixxu proċess li jiffinanzja t-telf u l-ħsara.

Il-kompromess kien jinvolvi t-twaqqif ta’ djalogu dwar it-telf u l-ħsara, li kellu l-ewwel laqgħa tiegħu f’dawn il-jiem f’Bonn.

Nazzjonijiet fqar ittamaw li din il-laqgħa prinċipalment teknika tpoġġi formalment it-telf u l-ħsara fuq l-aġenda għall-mexxejja politiċi li għandhom jiltaqgħu fil-COP27 f’Sharm El-Sheikh, l-Eġittu f’Novembru li ġej. Iżda, s’issa, dan ma ġarax peress li diversi pajjiżi huma opposti.

Jekk ma jsir l-ebda progress, qed jingħad li din tkun daqqa sinifikanti għall-għaqda qabel il-laqgħa tal-COP27.

Sport