L-edukazzjoni dwar is-sostenibbiltà u t-tibdil fil-klima ġew diskussi waqt workshop kollaborattiv ta’ tlett ijiem bejn 12-il student li jattendu f’kulleġġi post-sekondarji. Il-grupp żviluppa għarfien akbar dwar it-tibdil fil-klima u ppropona azzjonijiet ambjentali konkreti biex jippromwovi s-sostenibbiltà. Dan kien possibbli permezz ta’ numru ta’ workshops ikkordinati minn esperti fil-qasam ewlenin fosthom minn Dr Marie Briguglio.
Meta tkellem dwar din il-kollaborazzjoni, Miguel Borg, Chief Risk Officer Bank of Valletta, ikkummenta: “Bħala Bank lokali ta’ Malta, aħna kuntenti li appoġġajna dan il-workshop ta’ tlett ijiem. F’konformità mal-istrateġija ESG (Ambjent, Soċjali, Governanza) tal-Bank, aħna, bħala Bank of Valletta, nirrikonoxxu li l-edukazzjoni dwar it-tibdil fil-klima hija komponent fundamentali għal futur sostenibbli u nenfasizzaw il-ħtieġa li niggarantixxu għal kulħadd edukazzjoni ta’ kwalità dwar it-tibdil fil-klima. Permezz ta’ dan il-workshop, il-Bank ikkapitalizza fuq l-għarfien tal-parteċipanti hekk kif ressqu l-ideat tagħhom dwar kif lokalment nistgħu nħallu impatt f’termini ta’ tibdil fil-klima.”
John Paul Abela, Senior Manager fi ħdan id-Dipartiment tal-ESG tal-Bank, għamel preżentazzjoni li fiha spjega l-prinċipji tal-BOV marbuta mal-ESG, li jiffokaw prinċipalment fuq il-pilastri strateġiċi, it-twemmin, u l-viżjoni tal-Bank.