Sunday, April 28, 2024

“Ma rridx ngħaddi ħajja umana oħra minn miżerja meta din tista’ tiġi evitata”

Lara Calleja, li għandha kundizzjoni kronika, tesprimi l-opinjoni tagħha dwar il-PGT

Aqra wkoll

Bħalissa wieħed mis-suġġetti ewlenin li jinsab fuq fomm in-nies huwa bla dubju ta’ xejn l-IVF. Dan hekk kif iktar kmieni din il-ġimgħa, il-Parlament approva d-dħul ta’ emendi fil-liġi tal-IVF, fosthom illi din il-liġi tippermetti li jsiru testijiet ġenetiċi, bħal ngħidu aħna polar body testing, qabel ma jiġi ffurmat l-embrijun. 

Lara Calleja hija fost dawk l-individwi li tinsab urtata b’dak li qed jintqal kontra l-PGT (preimplantation genetic testing — proċess fejn bażikament wieħed ikollu l-libertà li jagħżel embrijun li x’aktarx ikun ħieles minn kundizzjonijiet ġenetiċi), għaliex għaliha li għandha kundizzjoni kronika, dawn it-testijiet joffrulha l-opportunità li tagħżel jekk tixtieqx li jkollha wlied b’din l-istess kundizzjoni: “Nies bħali li għandhom kundizzjoni kronika u li għandi ċans ntiha lil uliedi, issa nista’ nikkunsidra jkollix it-tfal minħabba dawn it-testijiet (allavolja l-kundizzjoni tiegħi għadha mhux fil-lista) … għax le, ma rridx tfal bil-kundizzjoni tiegħi. Allavolja nħobbni u naċċettani, fl-ebda univers qatt mhu ħa ngħid li xtaqt ma ġejtx hekk. Ma rridx li t-tfal tiegħi jibdew il-ħajja (li diġà diffiċli) bi żvantaġġ daqshekk kbir, irrelevanti kemm irċevejt imħabba u rispett; hija trawma li għadni nġorr il-konsegwenzi tagħha sal-lum”.

Għaliha mhux aċċettabbli li tgħaddi ħajja umana oħra minn miżerja meta din tista’ tiġi evitata. Lara tkompli tqabbel is-sitwazzjoni preżenti ma’ 15-il sena ilu, meta skontha kienu bosta dawk li saħqu illi m’għandniex nilagħbu mal-ħajja imma li issa fiż-żmien preżenti hemm ħafna nies li qed jirrikorru għall-IVF sabiex ikollhom l-ulied.

Hija ttemm il-messaġġ tagħha billi tikkritika wieħed mir-riklami li qed jiċċirkola fuq il-midja soċjali fejn qassis partikolari jinfexx “fi propaganda patetika kontra l-PGT” u saħansitra “jirromantiċizza d-diżabbiltajiet” għax jgħid li n-nies diżabbli huma umani u li “Ġesù jgħidilna biex naċċettaw lil kulħadd”. Lara ssostni li statements bħal dawn mhux sew li jsiru.

Sport