Sunday, December 22, 2024

IT-TIBDIL FIL-KLIMA U T-TIXRID TA’ MARD INFETTIV FL-EWROPA

Aqra wkoll

Kif deher dis-sena, fis-sajf għaddejna minn sensiela ta’ mewġiet ta’ sħana u anke matul il-ħarifa u x-xitwa t-temp kien u għadu qed ikun sħun, b’nuqqas ta’ xita. Dan it-temp huwa ta’ theddida diretta għas-saħħa tal-popolazzjoni. 

Il-mewġiet ta’ sħana diġà qed iwasslu għal numru ta’ mard u mwiet u jekk ma jsirx dak kollu possibbli biex jipproteġu l-aktar nies vulnerabbli fis-soċjetà mis-sħana permezz ta’ pjanijiet, disinn aħjar tal-bini u l-aġġustament tal-ħinijiet tax-xogħol dan il-piż se jkompli jiżdied.

Filwaqt li l-ħtieġa li jiġu indirizzati l-impatti tat-tibdil fil-klima fuq is-saħħa tal-bniedem hija dejjem aktar rikonoxxuta, issa wasal iż-żmien li d-dinja timxi mill-ippjanar għall-azzjoni u li jiżdied l-għarfien fost in-nies u l-prattikanti tal-kura tas-saħħa biex il-popolazzjoni speċjalment dik Ewropea ssir aktar reżiljenti.

Dawn il-mewġiet ta’ sħana dejjem aktar frekwenti, twal u intensi flimkien ma’ popolazzjoni dejjem tikber fl-età u ż-żoni urbani dejjem jiżdiedu jfissru popolazzjonijiet aktar vulnerabbli qed ikunu esposti għal temperaturi għoljin, partikolarment fin-nofsinhar u ċ-ċentru tal-Ewropa. 

Din iż-żieda fit-temperaturi taffettwa wkoll is-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol, u tirriżulta f’telf annwali medju ta’ 16-il siegħa għal kull ħaddiem f’setturi esposti ħafna.

Biex ikun hemm tnaqqis mill-impatt tas-sħana fuq is-saħħa jeħtieġ l-implimentazzjoni ta’ firxa wiesgħa ta’ deċiżjonijiet, inklużi pjanijiet ta’ azzjonijiet effettivi għas-sħana, il-ħolqien ta’ aktar żoni ħodor u fid-dell fl-ibliet, disinn u kostruzzjoni xierqa tal-bini, u aġġustament tal-ħinijiet u l-kundizzjonijiet tax-xogħol sabiex in-nies ikunu inqas esposti għas-sħana u dak kollu li ġġorr magħha.

Il-kundizzjonijiet klimatiċi li qed jinbidlu qed jadattaw aktar għall-ħolqien u t-trażmissjoni ta’ mard infettiv sensittiv għall-klima bħall-malarja, id-dengue fever jew il-West Nile fever, u dawn qed jinfirxu wkoll għaż-żoni Ewropew li qabel ma kienux affettwati, bħar-reġjuni tat-tramuntana. It-trażmissjoni u d-distribuzzjoni ta’ ċertu mard minn diversi speċi ta’ nemus li jaġixxu bħala trasportaturi tal-malarja u d-dengue fever, flimkien man-numru dejjem jikber ta’ każi ta’ mard importat mill-ivvjaġġar, iżidu wkoll l-probabbiltà tal-epidemiji.

Nies li jaħdmu fl-agrikoltura jew fis-servizzi ta’ emerġenza jistgħu jkunu f’riskju akbar li jimirdu, filwaqt li l-anzjani, it-tfal żgħar u dawk b’sistema immunitarja baxxa se jbatu aktar jekk jimirdu.

Anke l-ibħra qed jadattaw għall-mikrobi perikolużi li jinsabu fil-ħut u l-frott tal-baħar u għalhekk hemm bżonn monitoraġġ effettiv tal-ispeċi li jġorru jew jittrasmettu l-mard għal żvilupp ta’ twissijiet bikrija u kontrolli mmirati aktar fuq ċerti speċi.

Madwar l-Ewropa, għad hemm bżonn isir aktar ippjanar mill-prattikanti tal-kura soċjali u saħħa dwar dan it-tibdil fil-klima. Is-settur tas-saħħa jrid ikun infurmat aktar u jinforma aktar lill-poplu hemm barra dwar l-aħjar mezzi kif wieħed jadatta għall-perikli fuq is-saħħa li jeżistu diġà u dawk li għad iridu jinqalgħu kawża tat-tibdil fil-klima.

Ekonomija

Sport