Friday, May 3, 2024

Is-sidien ta’ PSG iridu jinvestu fi club tal-Premier League Ingliż

Aqra wkoll

Is-sidien ta’ Paris Saint-Germain iridu jixtru club ieħor Ewropew u xeħtu għajnejhom fuq wieħed  mill-Premier League.

Rapporti minn Franza qed isostnu li l-Qatar Sports Investments (QSI), qed “jintensifikaw l-isforzi” biex jinvestu fi club ieħor. 

Bħalissa huma jinsabu f’taħditiet ma’ numru ta’ clubs tal-Premier, bl-aktar wieħed attraenti jkun dak ta’ Tottenham Hotspur. 

Iċ-chairman u l-kap eżekuttiv ta’ QSI, Nasser Al-Khelaifi, qal li l-ġimgħa li għaddiet kellu laqgħa mas-sid ta’ Spurs,  Daniel Levy, f’Londra

QSI  xtraw lil-club Pariġin, fl-2011, u bidlu kompletament il-fortuni tagħhom billi rebħu tmienja mill-aħħar għaxar kampjonat ta’ Ligue 1, hekk kif huma ddominaw ix-xena tal-football fi Franza.  

QSI, li huma proprjetarji ta‘ beIN Media, qed ifittxu b’mod attiv li jżidu l-espansjoni tagħhom b’investimenti ta’ clubs minoritarji. L-Ewropa hija reġjun prijoritarju, filwaqt li hemm ukoll interess qawwi li investiment fi club mill-Amerika t’Isfel.

Jidher li qed isegwu l-mudell adottat mis-sidien ta’ Manchester City, l-Abu Dhabi United Group. Huma ssorveljaw suċċess monumentali tas-Citizens minn meta xtraw lill-club fl-2008 biex f’dawn l-aħħar snin ħolqu s-City Football Group u espandew globalment.

F’Lulju, huma temmew l-akkwist ta’ £11.2 miljun tal-club Taljan ta’ Palermo li sar it-12-il club taħt il-kappa tas-CFG.

Fil-portfolio tagħhom huma għandhom lil Troyes (Franza), Girona (Spanja), Melbourne City (Awstralja), Lommel (Bel­ġju), Montevideo City Torque (Urugwaj), New York City (l-Istati Uniti), Mumbai City (Indja), Yokohama F. Marinos (Ġappun), Sichuan Jiuniu (Ċina) u Club Bolivar (Bolivja).

Madankollu, jistgħu jinqalgħu kwistjonijiet jekk żewġ clubs li jaqsmu l-istess sidien jipparteċpiaw fl-istess kompetizzjoni Ewropea hekk kif ir-regoli tal-UEFA jistipulaw li l-ebda żewġ clubs jew aktar parteċipanti ma jistgħu jkunu kkontrollati direttament jew indirettament mill-istess entità.

RB Leipzig u Red Bull Salzburg huma tnejn li jistgħu jipparteċipaw peress li ma titqiesx li hemm “influwenza deċiżiva” fuq aktar minn club wieħed.

Sport