Monday, February 24, 2025

It-Tielet Anniversarju tal-Gwerra tal-Ukrajna

Ruben Briffa
Ruben Briffa
Analista dwar Avvenimenti Internazzjonali

Aqra wkoll

Fl-24 ta’ Frar, il-gwerra tal-Ukrajna għalqet tliet snin minn mindu bdiet, wara li l-armata ta’ Vladimir Putin invadiet it-territorju Ukren. Kienu tliet snin fejn għajnejn id-dinja kienu fuq il-popolazzjoni ta’ dan il-pajjiż, popolazzjoni li kellha tgħaddi minn attakki mill-qawwiet Russi fi prattikament kull ġurnata li għaddiet.

Imwiet u traġedji

Skont statistika ppubblikata dan l-aħħar mill-Ġnus Maghquda, din il-gwerra swiet il-ħajja ta’ tlettax-il elf Ukren, li kwazi tlitt elef minnhom kienu tfal. Barra minn hekk, madwar tletin elf Ukren safa midrub f’dan il-konflitt. Madwar għaxra fil-mija tal-bini ta’ dan il-pajjiż gie meqrud f’dawn it-tliet snin, bini li madwar erbat elef minnu kienu skejjel u universitajiet.

Ekonomiji

Minħabba li l-maġġoranza tar-riżorsi ekonomiċi taż-żewġ pajjiżi li qegħdin jiġġieldu kontra xulxin kienu ddedikati sabiex issostnu l-gwerra,  iċ-ċiitadini Russi u Ukreni kellu jgħaddu minn inflazzjoni kbira, inflazzjoni li ġabet żieda qawwija fil-prezzijiet tal-prodotti bażiċi. Fil-fatt, il-ġurnal The Economist għadu kif irrapporta li l-prezzjiet għar-Russi raw żieda ta’ kważi ghaxra fil-mija filwaqt li dawk tal-Ukrajini raw zieda ta’ tnax fil-mija. Naturalment, fil-każ tal-Ukrajna, l-ekonomija għandha mażżra oħra m’għonqha għaliex qiegħda tissemma s-somma astronomika ta’ ħames mitt biljun dollaru Amerikan sabiex terġa’ tinbena l-infrastruttura bażika li tfarrket mill-attakki Russi.

L-Ukrajna ferm iżgħar

Kemm ilha li bdiet il-gwerra, l-Ukrajna tilfet ftit aktar minn ħdax fil-mija tat-territorju tagħha. Flimkien mal-art li diġà kienet tilfet l-Ukrajna sa mill-2014, meta r-Russja bdiet tnaqqar naqra naqra l-art Ukrena permezz ta’ separatist leali lejha, issa l-Ukrajna ċkienet bi kważi 18%.

Il-problema Trump

Meta bdiet il-gwerra, Putin kien kważi ċert li kien sejjer jieħu taħt idejh it-territorju Ukren kollu fi żmien ftit ġimgħat. Però, bis-saħħa tal-għajnuna militari mill-pajjiżi tal-punent, l-Ukrajna rnexxielha tirreżisti għal dawn it-tliet snin. L-akbar għajnuna għall-President Ukren Volodymir Zelensky dejjem ġiet mill-Istati Uniti, għajnuna li s’issa telgħat għal kwazi mitt biljun dollaru Amerikan.

Trump, li minn dejjem biex kritiku għal din l-għajnuna, issa qiegħed jhedded li jekk l-Ukrajna ma tħallasx lura lill-Istati Uniti permezz ta’ riżorsi naturali, huwa kien sejjer inaqqasha b’mod drastiku.

Miljuni ta’ refuġjati

Miljuni ta’ Ukreni kellhom jabbandunaw djarhom u marru jgħixu f’żoni oħra ġewwa l-Ukrajna stess jew ġewwa pajjiżi oħra. Rapport mill-Ġnus Magħquda qiegħed jgħid li bħalissa hemm ftit aktar minn sitt miljun Ukren jgħixu madwar l-Ewropa, b’aktar minn żewġ miljun minnhom qegħdin jgħixu ġewwa l-Ġermanja u ġewwa l-Polonja.

Kif qegħdin jiżvolgu l-affarijet, il-gwerra tal-Ukrajna sejra toħloq kunflitt diplomatiku bejn l-Istati Uniti u l-pajjiżi Ewropej. Dan żgur ma jawgurax tajjeb għall-waqfien mill-ġlied fil-futur qarib. Il-fatt li d-dinja qiegħda tħalli f’idejn politiku imprevedibbli bħal Donald Trump sabiex isib soluzzjoni għal din it-traġedja juri f’liema stat miskin tinsab bħalissa l-politika internazzjonali. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport