Saturday, December 21, 2024

IT-TIELET ĠIMGĦA TAL-KAMPANJA

Aqra wkoll

Wasalna fl-aħħar tat-tielet ġimgħa tal-kampanja elettorali.  Kien hemm ħafna proposti miż-żewġ naħat. Hawn naslu għall-ewwel punt.  X’inhu l-aktar fattur li hu importanti meta xi ħadd iwegħdek xi ħaġa?  It-tweġiba hi sempliċi.  Hemm żewġ fatturi importanti.  L-ewwel, kemm tafdah lil min qed iwegħedni u t-tieni, dak li qed jiġi imwiegħed, kemm hu possibli u kemm hu kapaċi dan il-bniedem li ser jagħtini dak li qed iwegħedni.  Jekk dawn l-affarijiet ma jkunux hemm, sbieħ kemm huma sbieħ il-wegħdiet, hemm probabilta’ kbira li dak li qed jiġi mwiegħed qatt mhu ser jasal.

Jekk nieħdu l-ewwel punt u nqisuh fil-kampanja elettorali, trid tara sew liema partit hu kredibbli u n-nies li qed imexxu dan il-partit.  Il-partit hu importanti għaliex il-passat tiegħu jirrifletti il-filosofija tan-nies ġo fih.  In-nies jimxu skont ma jemmnu – hemm min jemmen li meta jkun qed iwiegħed xi ħaġa, hu jkun qed jintrabat li jwettaq dak li qed iwiegħed.  Hemm oħrajn li l-wegħdiet qabel l-elezzjoni huma parti mill-kampanja biex tiġbed lin-nies lejk. 

Biex ngħarfu lill-partiti, naraw kif jaħdmu fuq il-wegħdiet tagħhom.  Għandek il-Gvern Laburista li kull sena jara kemm wettaq mill-wegħdiet li jkun wiegħed qabel l-elezzjoni.  Mhux biss jara imma din l-informazzjoni toħroġ pubblikament.  Jekk ma jagħmel xejn dan il-metodu, jiżgura li min qed jiggverna qiegħed jimxi mal-pjan li jkun ħabbar qabel l-elezzjoni  biex jiżgura li min ivvutalu jieħu dak li ġie imwiegħed.  Din mhix xi ħaġa ġdida għall-PL, għax barra li din is-sistema ilha taħdem mill-2013 meta tela’ gvern Laburista, ilha taħdem mid-90ijiet.  Il-PL dak iż-żmien, bdieha meta beda jikkontesta l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali.  Mal-wegħdiet li jkun qed jagħmel il-Partit għal dak il-lokal, kien joħroġ persentaġġ ta’ kemm dan il-Kunsill kien wettaq mill-wegħdiet ta’ qabel.  Dan il-metodu jiżgura li min ikun qed iwiegħed, ikun qed jintrabat pubblikament li jwettaq il-proposti li jkun qed iwiegħed.   

Min-naħa l-oħra nħarsu lejn il-Partit Nazzjonalista.  Jekk inħarsu lejn il-passat, dan qatt m’għamilha.  Dan għaliex il-PN qatt ma ħass ruħu marbut b’dak li jwiegħed.  U llum dan jidher ċar ħafna.  Dan għaliex anki l-programm elettorali ta’ din l-elezzjoni ħadd mhu ċert fuqu – lanqas huma stess.  Dan joħroġ ċar li l-ewwel ħarġu bil-programm elettorali u lanqas għaddiet ġimgħa milli ma bediex jinbidel.  

Qalulna li qed jinbidel għaliex huma sensittivi għar-reazzjoni tal-istakeholders.  Jekk dan ma wera xejn, wera li dan il-programm elettorali ġie maħdum bejniethom mingħajr ma kkonsultaw lin-nies u l-istakeholders involuti biex jaraw il-bżonnijiet tagħhom.  Din hi xi ħaġa li l-PL ilu jagħmilha snin u dan jidher għaliex il-proposti fil-programm elettorali tal-PL jindirizzaw il-bżonnijiet ta’ sezzjonijiet differenti tal-poplu.  

Wara kien hemm min qalilna li dan jiġri għaliex il-ħajja tinbidel kuljum.  Hu veru li l-ħajja tinbidel kuljum, imma jekk jien ma nżommx l-għanijiet tiegħi quddiem għajnejja kuljum, dawn qatt mhu ser nilħaqhom.  Dan faċli narawh fil-ħajja tagħna ta’ kuljum.  Hu vera li l-ħajja tinbidel kuljum, imma jekk jien irrid nixtri dar fejn noqgħod, dan l-għan irid ikun dejjem quddiemi għax inkella qatt mhu ser inkun kapaċi li nixtri dar.  Ma jistax ikun li llum qed ngħid li l-aktar importanti hu li nixtri dar, u għada ngħid li aħjar nibdel il-karozza biex nidher aħjar.  Jekk nagħmel hekk, qatt mhu ser jirnexxili li nilħaq xi għan minnhom għaliex insib li l-paga qed nonfoqha fuq ħafna affarijiet mingħajr ma jirnexxili nilħaq l-għanijiet importanti tal-ħajja. 

U hekk qed jiġrilu l-PN – illum iwiegħed hekk u għada iwiegħed xi ħaġa oħra mingħajr ma jagħti kas.  Dan narawh mir-reazzjoni ta’ dawk il-kandidati tal-PN meta jiġu mistoqsija dwar il-fatt li l-kontenut tal-programm elettorali qed jinbidel.  Għalihom qiesu ma ġara xejn.  Dan jindika xi jfisser għalihom il-programm elettorali.  Li kieku kien jinteressahom l-interess tan-nies kienu jaraw il-programm elettorali bħala pjan biex jilħqu l-għanijiet taċ-ċittadini u din l-affari kienu jeħduha bis-serjeta’ ħafna.  Dan għaliex, meta l-programm ikun jitqies bħala pjan, huma jkunu marbutin li jilħqu dawn l-għanijiet.  

Hawn twassalna għat-tieni punt – kemm il-wegħdiet huma kredibbli u possibli.  Biex xi wegħda tkun kredibbli, din trid tkun ċara.  Ħaġa li ħarġet fil-programm tal-PN hi li meta xi ħaddieħor qed jikkritika xi miżura fil-programm elettorali, dawn jaraw kif idawruha mingħajr ma jibdlu xejn minn dak li hemm miktub.  Issa jekk aħna naċċettaw dan, inkunu qed naċċettaw li dak li hemm fil-programm ma jorbot xejn għaliex jien nista’ ninterpretha hekk u int tinterpretha differenti.  L-istess, jien illum ninterpretha hekk, u għadha ninterpretha differenti kif jaqbilli.  

U din twassalna għat-tieni punt, kemm il-wegħdiet huma kredibbli.  Wegħda tkun kredibbli jekk tkun ippjanata.  Biex wieħed jippjana tajjeb dak li jkun qed iwiegħed lil ħaddieħor irid jagħmel żewġ affarijiet – waħda jara kemm ser tiswieh u t-tieni l-effett li din ikollha.  U hawn jerġgħu jeħlu l-PN.   

Kull meta sew il-kandidati tal-PN jiġu mistoqsija kemm ser jiswew kull proposta li qed jagħmlu jibqgħu ċċassati sew għaliex lanqas biss daħlitilhom f’moħħhom li jiridu jikkalkolaw kemm ser jiswew u dan għaliex lanqas jinteressahom.  Mhux talli hekk imma lanqas biss jaraw l-effetti ta’ dak li qed jipproponu.  Kemm il-proposti jiswew u l-impatt tagħhom hu importanti sew minħabba l-ekonomija u sew minħabba biex tara jekk għandekx riżorsi biex twettaq dak li qed twiegħed.  

L-impatt fuq l-ekonomija hu importanti għaliex jekk proposta ser ikollha effett pożittiv fuq l-ekonomija, għandek tagħmilha.  Dan rajnieh waqt il-pandemija.  Meta l-gvern Laburista ta l-vouchers mhux biss kien jaf kemm ser jiswew lill-ekonomija imma kemm ser jiġġeneraw ġid lill-ekonomija.  Aktar ma int tkabbar l-ekonomija, aktar ser ikollok flus għall-proġetti oħra u anqas ser ikollhom il-bżonn li żżid it-taxxi biex tkopri l-ispejjeż.  Fil-fatt dan il-proċess lanqas biss daħal f’moħħ il-PN.  

Kif jaħdem il-PL urieh riċentament meta kkritika żewġ proposti tal-PN.  L-ewwel kienet il-proposta li s-sussidju li l-PL diġa’ qed jagħti lil dawk li qed jikru d-dar tagħhom, jonqos kull sena fuq medda ta’ tliet snin u wara ċ-ċittadin irid jara x’ser jagħmel hu.  Il-kritika ma kinitx fl-arja għaliex il-PL, permezz tal-Ministru Roderick Galdes spega kemm hemm u kif il-familji li ser jintlaqtu ħażin b’din il-proposta tal-PN.  Dawn iwasslu għall-10,000 familja.  Ma ninsewx kif jaħdmu l-Qrati tagħna – li jħarsu l-interess tal-individwu li għandu l-proprjeta’ u mhux l-interess tas-soċjeta’ li għandha jkollha kirjiet li huma faċli  għaċ-ċittadini.  

Riċentament kellna wkoll eżempju ieħor meta l-Ministru Clyde Caruana spjega l-impatt negattiv tal-proposta ta’ kreditu ta’ taxxa lil dawk li jaqilgħu ‘l fuq minn €60,000 fuq 96% tal-ħaddiema.  Biss Clyde Caruana ma wriniex biss dan l-impatt bil-kliem biss imma, fuq programm tat-tv, uriena l-figuri fuq xiex qed jibbaża dak li qed jgħid.  

Jekk ma juru xejn dawn l-eżempji juru li l-PL l-ammont ta’ benefiċċji li qed iwiegħed li jagħti mhux figuri fl-arja imma bbażati fuq fatti u għalhekk jistgħu jintlaħqu.

Imma l-programm elettorali jirrifletti wkoll fuq min qed imexxi l-partiti.  U hawn toħroġ id-differenza ċara.  Ma toħroġx biss għal dawk li huma favur il-Mexxej Laburista imma anki dawk li huma favur Bernard Grech.  S’intendi dawn tal-aħħar mhux ser jgħiduha pubblikament imma jammettuha privatament.  Fuq naħa għandek lir-Robert Abela li meta jkun qed jitkellem tara li dan mhux biss mexxej tal-isem imma mexxej li jaf dak li jiġi mwiegħed ser ikollu r-responsabbilta’ primarja li jitwettqu.  Hu għalhekk li mhux biss jaf fid-dettal dak li qed jiġi mwiegħed, imma jaf kemm ser jiswew u jaf ukoll l-impatt pożittiv ta’ dawn il-wegħdiet fuq l-ekonomija u fuq is-soċjeta’.

Min-naħa l-oħra tal-PN, għandna ‘mexxej’ li fir-realta’ mhux imexxi imma jmexxuh.  Dan ma rajniehx issa imma min-mindu laħaq ‘mexxej’ li mhux l-ewwel darba juri l-opinjoni tiegħu u wara jġiegħluh li jibdel il-pożizzjoni tiegħu mill-grupp li kienu jiggvernaw ma’ Lawrence Gonzi – grupp li mhux biss għamel ħsara lill-poplu Malti meta kien fit-tmexxija imma wkoll lill-PN innifsu.  Riċentament rajna eżempju ċar – il-fehma tiegħu dwar dawk il-familji li minħabba n-natura ma jistax ikollhom tfal imma li permezz tal-IVF ikunu jistgħu.  Il-fehma tiegħu hi li jekk in-natura ma tagħtekx il-faċilita’ li jkollhok tfal, għandek taċċetta din is-sitwazzjoni.  Dan ifisser li mhux lest lil dawn il-koppji jgħinhom billi juża it-teknoloġija biex dawn isiru ġenituri.  Wara li wera l-fehma tiegħu b’mod ċar, kellu jerġa’ jbiddilha u pprova jdawwarha li kien qed jirreferi għal nisa b’ċerta eta’.  Biss li kieku dan kien vera, ħaġa li kien jagħmel kien li jgħidilna x’faċilitajiet tal-IVF li ser jagħti lil dawk il-familji żgħar fl-eta’ minkejja li familji oħra ta’ eta’ akbar m’għandhomx jiġu mċaħħda mid-dritt li jkollhom tfal.

Fua kollox li kieku Bernard Grech kien mexxej, kien jieħu passi serji mal-ewwel biex jirranġa minnufih it-taħwid li hemm fil-programm elettorali tal-partit li qed ‘imexxi’.  Dan in-nuqqas jurina li gvern Nazzjonalista ser ikollu mexxej pupazz li jkun qed jitmexxa minn wara l-kwinti.  Dan mhux biss ser ikun ħażin għall-partit tiegħu imma ħażin għall-poplu speċjalment iż-żgħażagħ għaliex m’għandux idea tal-futur.  

Id-differenza bejn il-partiti toħroġ ċara. Filwaqt li l-PL qed jaħdem serjament biex jgħin is-setturi kollha tal-poplu, il-PN qed jaħdem biss għall-poter.

Ekonomija

Sport