Sunday, November 24, 2024

It-tieni edizzjoni tal-Pinta Beer Festival fil-Belt Valletta

Aqra wkoll

Bejn għada u l-Ħadd li ġej, fi Pjazza Tritoni fil-Belt Valletta, se tittella’ edizzjoni oħra tal-Pinta Beer Festival. B’aktar minn 300 birer differenti, inkluż dawk lokali u internazzjonali, dan il-festival mistenni li jinżel tajjeb ma’ dawk li għandhom għal qalbhom il-birra. Din l-attività se tara wkoll is-sehem ta’ diversi bands lokali filwaqt li se jkun hemm logħob interattivi, kompetizzjonijiet u anke workshops.

F’konferenza tal-aħbarijiet, iċ-Chairman tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Gavin Gulia qal li l-MTA għandha rwol importanti fejn jidħlu avvenimenti relatati ma’ marketing f’Malta għal udjenza internazzjonali. “Dan il-festival huwa eżempju tal-prodott turistiku Malti wiesgħa u differenti li huwa offrut lit-turisti li bħalissa jinsabu Malta fuq btala,” stqarr Dr Gulia. 

Min-naħa tiegħu, il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo qal li dan il-festival huwa eżempju ieħor tal-kalendarju vast ta’ attivitajiet li l-MTA, b’kollaborazzjoni mal-Ministeru għat-Turiżmu, qed itellgħu mhux biss għat-turisti imma wkoll għar-residenti lokali. 

“Ir-riżultat hu li din is-sena s’issa, Malta rreġistrat l-aqwa sitt xhur f’termini ta’ wasliet mit-turisti. Dan jagħtina fiduċja li l-aħħar żewġ kwarti tas-sena se jwasslu għal numri simili ta’ rekords ta’ turisti f’Malta, li juru li l-industrija tat-turiżmu ta’ pajjiżna rkuprat b’mod sħiħ mill-pandemija u qed tirreġistra tkabbir impressjonanti,” temm jgħid il-Ministru Bartolo. 

Sport