Monday, March 23, 2026

It-tifel li safa’ aggredit minn missieru fil-White Rocks joħroġ mill-ITU 

Aqra wkoll

It-tifel li kien jinsab fil-periklu tal-mewt wara li qala xi daqqiet waqt li kien fil-White Rocks ma’ missieru u ma’ oħtu ħareġ mill-ITU. Midja lokali rrapurtat li t-tifel qaleb għall-aħjar u li huwa nstab hekk kif it-tifla kien irnexxielha taħrab u ġew mgħarrfa l-Pulizija.

Intant fl-aħħar seduta fil-Qorti, ir-raġel ta’ 49 sena li jinsab mixli bl-attentat ta’ qtil taż-żewġ uliedu, li huma minorenni, kien allegatament ċempel lil omm uliedu wara li seħħ il-każ u qalilha “t-tifla ħudha miegħek, it-tifel qiegħed fis-sema. Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Elaine Rizzo ordnat divjet tal-pubblikazzjoni fuq isem l-allegati vittmi, ommhom kif ukoll fuq l-imputat. Dan filwaqt li ordnat il-ħruġ ta’ ordni ta’ protezzjoni fil-konfront tal-allegati vittmi. 

Minbarra l-akkużi dwar attentat ta’ qtil, l-imputat jinsab mixli wkoll li kkaġuna ġrieħi gravi fuq iż-żewġ uliedu kif ukoll li żammhom kontra l-volontà tagħhom. Fil-bidu tas-seduta, l-Ispettur Kurt Colombo Zahra spjega ċ-ċirkostanzi li wasslu għall-arrest tal-imputat.

Sussegwentement, il-pulizija kienu marru mat-tifla fuq il-post fejn uriethom bejn wieħed u ieħor fejn seħħ l-allegat każ. Bdiet tfittxija għal ħuha li nstab f’kamra fl-inħawi tal-White Rocks. Huwa deher li kellu daqqiet f’rasu u kien hemm ammont kbir ta’ demm. It-tifel kien iċċertifikat li kien fil-periklu imminenti li jitlef ħajtu. Għaldaqstant ittieħed l-Isptar Mater Dei għal aktar kura. Sadanittant, l-omm kienet infurmata u marret fuq il-post. 

L-Ispettur Zahra kompla jgħid li l-omm kienet stqarret li kienet għadha kemm irċeviet telefonata mingħand ir-raġel tagħha, l-imputat, fejn dan qalilha “it-tifla ħudha miegħek, it-tifel qiegħed fis-sema”, indikazzjoni li ħaseb li t-tifel kien mejjet. Intqal li s-suspettat kien ukoll ċempel lill-flatmate tiegħu u dan hekk kif kien għaddej bi proċeduri ta’ separazzjoni mal-mara u mar joqgħod miegħu. 

Il-każ huwa mistenni li jkompli fil-jiem li ġejjin. Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukati Anthony Vella, Kaylie Bonett u Etienne Savona mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali flimkien mal-Ispetturi Kurt Colombo Zahra u Christian Xuereb.

L-Avukati Giannella de Marco u Charles Mercieca qed jidhru għall-imputat. 

Artiklu preċedenti

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport