Sunday, December 22, 2024

IT-TIFEL LI “TĦALLA” JMUT

Aqra wkoll

Il-kontroversja fir-Renju Unit dwar jekk tifel li kien ċertifikat mit-tobba li kellu moħħu mejjet messux tħalla fuq magna li żżommu “ħaj” kienet ta’ qsim il-qalb. Kemm il-ġenitur li jrid isostni l-ħajja ta’ ibnu akkost ta’ kollox u kemm it-tabib li jaf li dik mhijiex ħajja li qed iżomm “ħajja” għandhom raġun mill-perspettiva tagħhom. 

Inevitabbilment, jidħlu wkoll konsiderazzjonijiet “ekonomiċi”. Jagħmel sens li riżorsi ta’ kura jibqgħu dedikati għal każ bħal dan, meta b’hekk ma jkunux jistgħu jintużaw għal pazjenti li jinsabu f’qagħda li tassew  jiswewlhom biex jinġabu lura għal ħajja vijabbli?

Hemm min jemmen li jeżistu valuri assoluti li jippermettulna niġġudikaw dwar x’għandu jsir f’każi hekk. U jkun lest b’kundanni lejn naħa jew oħra. Forsi dan jiġri għax każi hekk, li jirrigwardaw mewt u ħajja, jpoġġuna quddiem dilemma fondamentali: xinhu dak li jagħmilna tassew bħala bnedmin annimal “differenti” f’ħajjitna mill-annimali l-oħra? Diffiċli twieġeb.

BI GVERN TALJAN ĠDID

Jekk il-gvern li jmiss fl-Italja jkun wieħed lemini sew, għandu jitqawwa l-front tal-Prim Ministru Ungeriż Orban fl-Unjoni Ewropea. Dan ma jkoprix biss il-kwistjonijiet dwar l-immigrazzjoni u s-saltna tad-dritt fil-governanza demokratika imma issa nfirex għal x’għandha tkun il-pożizzjoni Ewropea lejn ir-Russja.

Sal-lum, Orban jinsab iżolat fil-qafas tal-Unjoni għalkemm mhux daqskemm jidher minn barra. Jekk l-Italja tmil lejh, se jissaħħaħ. U dan fi żmien meta l-Ġermanja tidher konfuża u pjuttost inċerta dwar il-futur.

Xejn ma jogħġbuni t-tendenzi awtoritarji ta’ Orban, għalkemm mhux kull ma jgħid hu falz, kif jippretendu ħafna Ewropej. Li n-nazzjonaliżmu għad baqagħlu rwol fl-Ewropa tidhirli bħala ħaġa ċara għalkemm mhux kif jippreżentah u jiddefendih hu.

MIN JISSETTJA L-AĠENDA?

Bħal f’kull pajjiż, l-aġenda nazzjonali hi influwenzata bil-kbir mill-gvern tal-ġurnata. Imma forzi soċjali oħra wkoll normalment ikollhom is-sehem tagħhom f’kif tissawwar, bħall-Oppożizzjoni u ta’ spiss il-Knisja u l-midja. Biss, l-ewwel tnejn fl-aħħar żminijiet naqqsu sew mis-saħħa tagħhom f’dar-rigward. 

Il-Knisja ġralha hekk għax minn banda riedet li żżomm profil aktar baxx minn dak li tradizzjonalment kien tagħha; u għax f’imgħoddi reċenti qieset ir-realtà Maltija b’mod żbaljat (bħal dwar id-divorzju). 

L-agħar daqqa ’l isfel f’das-sens kienet dik tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista. Minn żmien gonzi-pn li ra l-bidu ta’ diżgwid kbir intern u bis-suġġetti li żammet fuq l-aġenda biex ġabulha disfatti elettorali, sehemha ddgħajjef għall-aħħar.

Allura, il-medja “indipendenti” – l-aktar it-Times of Malta imma mhux biss – spiċċat wara l-gvern, l-aqwa forza li tissettja l-aġenda nazzjonali (u effettivament l-aqwa forza ta’ oppożizzjoni għall-gvern).

Dis-sitwazzjoni mhijiex ideali.  

Ekonomija

Sport