Monday, May 20, 2024

It-tifla Arsema lura Malta wara vjaġġ perikoluż

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

It-tifla Arsema, li f’Ottubru tal-2020 kienet ittieħdet barra minn Malta minn ommha bijoloġika b’mod illegali, inġiebet lura Malta llum u diġà qiegħda għand il-foster carers tagħha. 

Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet li kienet indirizzata mill-Ministru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon, il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali Alfred Grixti u l-Avukat Andy Ellul. 

Fil-konferenza ntqal li din it-tifla kienet tpoġġiet volontarjament fi placement f’pajjiżna u kienet ommha stess li għaddietha lill-awtoritajiet. Minn hemm, hija tpoġġiet ma’ familja għal sitt snin u nofs. 

Ġara li f’Ottubru 2020, l-omm bijoloġika reġa’ beda jkollha kuntatt mat-tifla tagħha u ngħatat l-aċċess biex tkun magħha fi tmiem il-ġimgħa. Nhar il-11 ta’ Ottubru 2020, l-omm bijoloġika tagħha telqet bil-minuri fi Franza b’passaport ta’ tifla oħra li ngħata lilha fl-ajruport.

L-omm kienet qatgħet il-biljetti jumejn qabel u f’Pariġi ltaqgħet mas-sieħeb tagħha li kien telaq minn Malta fis-7 ta’ Ottubru. Huma kienu vvjaġġaw lejn kamp tar-refuġjati qrib Calais fejn qagħdu hemm sat-8 ta’ Novembru 2020.

Arsema, ommha u s-sieħeb tagħha qasmu l-Kanal Ingliż lejn ir-Renju Unit f’ċirkostanzi perikolużi f’dinghy fil-lejl tat-8 ta’ Novembru. Skont rapporti, dan id-dinghy nqaleb u ġew salvati mill-awtoritajiet Brittaniċi. 

Meta waslu fid-9 ta’ Novembru, omm Arsema u s-sieħeb tagħha inizjalment inżammu mill-Forza tal-Fruntiera Brittanika iżda kienu rilaxxati u eventwalment qagħdu f’żona tar-Renju Unit fejn Arsema bdiet tmur l-iskola. 

Fit-3 ta’ Frar 2021, il-Ministeru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal beda proċeduri fil-Qorti Għolja Ingliża biex Arsema tirritorna lura Malta taħt il-Hague Convention tal-1980 dwar il-Ħtif tat-Tfal. 

Din l-istess Qorti ordnat li Arsema “tinġabar’” mill-pulizija Ingliża u titpoġġa f’foster care ta’ awtorità lokali f’Londra. Sfortunatament, Arsema ma setgħetx tinstab. 

Fi Frar tal-2021, il-Qorti Ċivili Maltija (Sezzjoni tal-Familja) iddikjarat li Arsema kienet ittieħdet minn Malta mingħajr il-kunsens tal-awtoritajiet u ordnat ir-ritorn ta’ Arsema hekk kif din tinstab. 

Fit-2 ta’ Novembru 2021, l-awtoritajiet lokali kienu informati mill-iskola ta’ Arsema fuq xi dettalji li Arsema kienet qaltilhom dwar ommha. Disat ijiem wara, il-Ministeru ġie notifikat li Arsema u ommha kienu nstabu. 

Fid-19 ta’ Novembru 2021, Arsema nġabret mill-pulizija Ingliża għat-tieni darba u tpoġġiet f’foster care fir-Renju Unit. It-tifla kienet bdiet tidra fid-dar il-ġdida u eventwalment bdiet tara lil ommha darba fil-ġimgħa, sorveljata strettament. 

Wara r-rikors tal-Ministeru fil-Qorti Ingliża, ġie appuntat gwardjan tat-tfal biex iħares l-interessi tagħha waqt il-proċeduri kollha. Omm Arsema kienet oġġezzjonat li t-tifla tirritorna lura. Missier Arsema, għalkemm ħa sehem f’parti biss tal-proċeduri legali, ma oġġezzjonax għar-ritorn tat-tifla. 

Il-Qorti sostniet li t-teħid ta’ Arsema minn Malta kien ippjanat u li t-tifla kienet esposta għal periklu serju għal ħajjitha waqt il-vjaġġ lejn ir-Renju Unit ma’ ommha u s-sieħeb tagħha hekk kif ipprovaw jaqsmu l-Kanal Ingliż. Il-Qorti kkunsidrat li l-ebda waħda mir-raġunijiet tal-omm ma kienu biżżejjed biex iwaqqfu r-ritorn ta’ Arsema lejn Malta u għalhekk ordnat li din tintbagħat lura. 

Arsema kienet akkumpanjata lejn pajjiżna minn social worker Maltija, li hija kienet taf sew. Il-Ministeru ħadem mill-qrib mal-awtoritajiet lokali biex tiżgura li Arsema tirċievi l-appoġġ kollu li kellha bżonn mar-ritorn tagħha. Jekk tixtieq, omm Arsema tista’ tirritorna Malta wkoll. 

Il-Ministeru, f’konsultazzjoni mat-tim ta’ ħidma soċjali, se jikkunsidra bir-reqqa kif jista’ jappoġġja u jimmoniterja l-kuntatt ta’ Arsema ma’ ommha u missierha.

Sport