Wednesday, April 24, 2024

It-tilqima kontra l-Covid-19 ta’ Moderna tidher li taħdem sew anke fuq persuni avvanzati fl-età

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Miktub minn Carmen Cachia

Minn studju żgħir li sar riċentement jidher li t-tilqima li Moderna qiegħda taħdem fuqha kontra l-Covid-19 qiegħda tibni mmunità b’saħħitha anke fl-anzjani u dan huwa meqjus bħala sinjal pożittiv minħabba li ħafna tilqim ma jaħdmix daqstant tajjeb f’dawk li għandhom età avvanzata.

In-“New England Journal of Medicine” ippubblika dan l-istudju fejn irriżulta li t-tilqima ta’ Moderna ħadmet tajjeb ħafna fuq persuni li għandhom aktar minn 56 sena u dan bl-istess mod li ħadmet fuq dawk bl-etajiet ta’ bejn it-18 u l-55 sena.

Professur fl-iskola tal-mediċina ta’ Harvard, David Dowling, qal li din is-sejba hija ta’ sorpriża imma tagħti tama ġdida fl-iżvilupp tat-tilqim.

L-anzjani huma f’riskju akbar li jimirdu serjament bil-Covid-19 fejn skont iċ-Ċentru tal-Kontroll u l-Prevenzjoni tal-Mard, persuni bejn il-50 u l-64 sena għandhom sa erba’ darbiet iżjed ċans li jiddaħlu l-isptar u 30 darba iżjed ċans li jmutu bil-virus meta mqabbla ma’ persuni li għandhom bejn it-18 u d-29 sena. 

Dawk li għandom bejn il-65 u 74 sena huma ħames darbiet iżjed suxxettibbli li jingħataw kura fl-isptar u 90 darba iżjed f’periklu li jmutu. Aktar ma persuna tkun anzjana, aktar hemm ċans li tmut.

L-istudju ta’ Moderna sar minn riċerkaturi fl-Università ta’ Emory f’Atlanta u inkluda żewġ grupp ta’ 20 persuna. Wieħed mill-gruppi kien iffurmat minn persuni bl-etajiet ta’ bejn il-56 u 70 sena, mentri l-ieħor kellu parteċipanti minn 71 sena ‘l fuq. Ir-riżultati tqabblu ma’ informazzjoni miġbura qabel fost parteċipanti li ħadu t-tilqima u l-etajiet tagħhom kienu bejn it-18 u l-55 sena.

Fl-Istati Uniti, it-tilqima ta’ Moderna “mRNA-1273” tinsab fit-tielet fażi tagħha u hija meqjusa waħda mill-favoriti fost l-erba’ kandidati li jinsabu fl-aħħar stadju ta’ provi kliniċi. 

Li jkun hemm tilqima li taħdem tajjeb fuq persuni anzjani tista’ tagħmel differenza kbira fid-distribuzzjoni tat-tilqima kontra l-Covid-19 u dan minħabba li kien hemm biżgħa li t-tilqima approvata ma kinitx se taħdem daqstant tajjeb fuq il-persuni avvanzati fl-età.

Sport