Tuesday, September 24, 2024

Fi 12-il jum għerqu 190 persuna fil-Mediterran … “rajt nisa u trabi jegħrqu”

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Miktub minn Victor Vella 

Waqt li l-bastimenti tas-salvataġġ, li huma mmexxija minn għaqdiet non governattivi jinsabu miżmumin fil-portjiet bl-aħħar wieħed li nżamm kien is-Sea Watch 4, qed jirriżulta li f’temp ta’ 12-il jum fil-Mediterran għerqu xejn inqas minn 190 persuna.  Dawn kollha kien qed jaqsmu fuq ir-rotta ċentrali tal-Mediterran, dik bejn il-Libja u Sqallija.  Dawn l-immigranti mietu f’sitt traġedji bl-aktar waħda tkun dik fejn għerqu 110 immigranti.

Issorprendieni s-skiet – eks voluntier

Eks voluntier li serva għal xi żmien biex ikunu salvati l-immigranti, meta tkellem ma’ L-ORIZZONT dwar l-impressjoni tiegħu dwar dan qalilna li “kull mewt hi xi ħaġa iebsa. Meta tisma l-istejjer li jgħaddu minnhom, aktar tkun kbira il-weġgħa. Li jweġgħani ħafna aktar imma hu is-skiet fuq dawn it-traġedji. Is-skiet mill-pajjiżi Ewropej.  Nistaqsi għaliex din l-indifferenza?  Kemm se jdumu jegħrqu nies biex finalment inwaqqfu dawn l-imwiet?”.

174 persuna mgħarrqin huma dawk li nafu bihom … oħrajn ma rnexxilhomx jagħmlu kuntatt

Intant l-organizazzjoni Alarm Phone f’komunikat li ħarġet spjegat li bejn l-14 u l-15 ta’ Settembru  mijiet ta’ persuni għamlu kuntatt magħha minħabba li sabu ruħhom f’diffikultajiet fil-baħar.  Spjegaw li f’xi każi dawn kienu salvati mill-bastimenti Alan Kurdi, waqt li oħrajn ma rnexxielhomx jiġu salvati. Kien hemm ammont ukoll li ttieħdu lura lejn il-Libja. 

Alarm Phone iddikjarat li “madwar 190 persuna mietu f’nofs il-Mediterran f’temp ta’ ftit jiem.  Din hi  t-tieni darba konsekuttiva li qed nirrappurtaw dwar ammont ta’ għarqiet. F’Awwissu, irrappurtajna diversi għarqiet u issa f’Settembru qed nirrappurtaw għadd ta’ għarqiet oħrajn.  Dawk ta’ Settembru ħafna minnhom sirna nafu bihom mir-rakkonti ta’ dawk li baqgħu salvati minn dinghies jew dgħajjes li ġew salvati”. 

Tiddikjara li “l-għarqiet li seħħew fl-aħħar kiem huma riżultat ta’ fortizzi fuq il-fruntieri iffinanzjati mill-Unjoni Ewropea. Dawn it-traġedji huma riżultat ta’ konfiski u ż-żamma ta’ bastimenti tas-salvataġġ. Huma riżultat tal-fatt li l-ajruplan ta’ sorveljanza Moonbird mhux jitħalla jopera.  Dawk li qed isalvaw ħafna drabi qed jitħallew waħidhom. Qed jispiċċaw jistaħbew biex ma jiġu arrestati jew jispiċċaw fid-detenzjoni fil-Libja.”

Isemmu dak li qalilhom wieħed minn dawk li salvaw. “Ħafna nies li hemm fil-Libja ma jridux jagħmlu l-vjaġġ bil-baħar. Imma m’għandna l-ebda alternattiva.  Nippreferu nmutu fil-baħar milli nmutu fuq l-art.  Ma nistax nifhem kif l-Ewropej qed jitkellmu fuq is=-solidarjetà. Fejn hi s-solidarjetà? Xi tfisser din? Din hi d-domanda li ilha fuq moħħi”.

Alarm Phone tikkummenta li “ma nafux kif se nwieġbu din il-mistoqsija. Nafu li hemm ħafna persuni li qed jiġġieldu kontra l-Fortizza Ewropea. Qegħdin jiġġieldu biex din tintemm.  Għajjejna nisimgħu bit-tbatija li jgħaddu minnha. Għajjejna nirrappurtaw traġedji. Għajjejna fil-ħidma tagħna b’sigħat fuq it-telefon ma’ persuni li jkunu f’diffikulta u li ma nkunux nistgħu nassigurawhom jekk hux se jsiru salvataġġi.”

Jisħqu li “veru li għajjenin imma mhux se nċedu. Is-solidarjetà tagħna hi msaħħa mill-ġlieda tagħna li ntemmu l-imwiet fil-baħar. Irridu ukoll inġibu lil dawk responsabbli minn dawn l-atroċitajiet quddiem il-ġustizzja.  Nemmnu li l-ġlieda tagħna kontra l-Fortizza Ewropea ma ntemmitx. Nemmnu li se nirbħu”.

Alarm Phone tiddikjara li “għal darba oħra, nenfasizzaw li l-Gwardji tal-Kosta Libjani kienu ivvintati mill-Istati u istituzzjonijiet Ewropej, mhux bl-intenzjoni li jsalvaw in-nies imma biex jeħduha lura lejn il-Libja.  Esperjenza l-fatt li dawn jobdu ordnijiet li jinħarġu mill-fruntieri Ewropej, imma rarament lilhom taqbadhom meta jkun hemm bżonn salvataġġ.”

Jirreferu bħal patt ta’ migrazzjoni mħabbar fl-aħħar jiem u jgħidu li “is-solidarjetà għal Unjoni Ewropea hi dik li pajjiż jgħin lil ieħor biex jibgħat immigranti lura.   Għalina is-solidarjetà hi dik li nieqfu ma dawk li l-Ewropa trid tiddeporta”.

Intant huma taw rendikont ta’ meta  seħħew it-traġedji. Jispjegaw li kien it-Tnejn 14 ta’ Settembru meta 22 persuna ħafna minnhom Eġizzjani mietu meta id-dgħajsa inqalbet. Ġew irkuprati biss żewġ iġsma. Minn din it-traġedja salvaw 45 immigrant, liema immigranti ittieħdu lura lejn il-Libja u spiċċaw detenuti f’Zawiya.

It-tieni traġedja seħħew proprju tlett ijiem wara eżattment fis-17 ta’ Settembru. Dak inhar għerqu minn tal-inqas għoxrin persuna. F’din it-traġedja dinghi li telaq minn Zawiya inqaleb. Abbord kien hemm 75 persuna. Mara li salvat, meta tkellmet ma’ Alarm Phone qalete li “rajt ħafna trabi u nisa mejtin fil-baħar. Ma kienux jafu jgħumu. Għerqu.  Rajt ħafna iġsma madwarik. Jien qbadt ma xi injam li kien hemm fid-dinghi.  Bdejt naħseb li se negħreq. Xi ħadd tellgħani u spiċċajna lura l-Libja. Dawk li spiċċajna lura lejn il-Libja, ħrabta nistaħbew.  Bdejna nibżgħu li ninqabdu mill-Pulizija.  Il-ħajja fil-Libja mhix normali.  Hi iebsa ħafna speċjalment għan-nisa. Jgħaddu minn vjolenza kbira. Jisfurzawna jkollna x’naqsmu mat-traffikanti. Tlift it-tama kollha.  Din hi r-raba’ darba li qed nipprova naħrab bil-baħar.  L-aħħar li ppruvajt il-vjaġġ tlift lil ibni. Naħseb fih kuljum.  Ma nafx kif se noħroġ mil-Libja”.  Alarm Phone tgħid li din it-traġedja seħħet bil-lejl u għalhekk ma setax ikun determinat kemm mietu immigranti. Din il-mara, saħqet li għerqu minn tal-inqas għoxrin persuna. 

It-tielet  traġedja  seħħet fit-19 ta’ Settembru u mietu tlett persuna, waqt li fir-raba’ traġedja li seħħet fl-istess ġurnata mietu żewġ persuni. Fil-ħames traġedja li seħħet fil-21 ta’ Settembru għebu xejn inqas minn 111 persuna. F’din it-traġedja dinghi b’120 persuna abbord, li fuqu kien hemm nissa u tfal għereq ‘lbarra minn Sabratha.  Ħafna minn dawk mitlufin huma mill-Kamerun, Niger, Mali, Sudan, Guinea u l-Kosta tal-Ivorju.  Fis-sitt traġedja mietu madwar 16-il immigrant. 

Intant l-Organizazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni (IOM) fil-Libja, qalet li bejn il-15 u l-24 ta’ Awwissu, il-Gwardji tal-Kosta Libjana interċettaw 326 immigrant u dawn ittieħdu lura lejn il-Libja. 

Sport