Saturday, November 16, 2024

It-tim nazzjonali Malti tal-waterpolo tal-irġiel fil-Ġermanja għat-Tazza tad-Dinja tal-Waterpolo

Aqra wkoll

It-tim nazzjonali Malti tal-waterpolo tal-irġiel ħalla Malta nhar il-Ħamis fi triqtu lejn Berlin, il-Ġermanja, fejn se jkun fl-azzjoni fit-tournament tas-semi-finali tat-Tieni Diviżjoni tat-Tazza tad-Dinja tal-Waterpolo li tibda nhar il-Ġimgħa.

It-tim se jkun taħt il-gwida tal-assistent kowċ nazzjonali Niki Lanzon assistit minn Anthony Farrugia fin-nuqqas tal-kowċ nazzjonali Milan Cirovic.

Il-kontinġent se jkun immexxi mill-president tal-ASA Karl Izzo, Charles Portelli, it-Team Manager filwaqt li Jed El Saghir huwa l-fiżjo-terapista.

Malta ttellgħet fi Grupp B kontra l-Ġermanja, iċ-Ċina, u l-Afrika t’Isfel.

Ir-Rumanija, New Zealand, il-Każakstan, u l-Iran huma t-timijiet fi Grupp A.

Nhar il-Ġimgħa, Malta tiffaċċja l-Ġermanja fis-1pm u mbagħad tiffaċċja liċ-Ċina fis-7pm.

Malta se tiffaċċja lill-Afrika t’Isfel is-Sibt fis-2pm qabel temmew l-impenji tagħha l-Ħadd bil-play-off tal-klassifikazzjoni.

“Il-komunità sportiva Maltija għandha tkun kburija li Malta waslet sas-semifinali ta’ Tazza tad-Dinja,” qal il-President tal-ASA Izzo fi stqarrija.

“Tista’ tkun sorpriża għal ħafna, iżda l-waterpolo għandu storja interessanti u kiseb riżultati pożittivi ħafna f’dawn l-aħħar snin kemm fil-livell tal-kbar kif ukoll taż-żgħar. Dawn ir-riżultati huma l-qofol tal-investiment mill-klabbs u l-assoċjazzjoni li qed jaħdmu id f’id.”

Fi stqarrija, l-ASA rringrazzjat lill-Ministru tal-Isport Clifton Grima u lil SportMalta tal-għajnuna finanzjarja tagħhom.

Ekonomija

Sport