Tuesday, May 14, 2024

ŻIEDA TA’ QALB LI TĦABBAT FOST KOPPJI F’XIFER LI JITILFU T-TAMA

Aqra wkoll

Is-sena 2022 kienet waħda impenjattiva ferm għall-Awtorità Maltija għall-Protezzjoni tal-Embrijun (EPA) hekk kif din irċeviet ammont rekord ta’ applikazzjonijiet għal proċeduri differenti ta’ tqala assistita. Fil-fatt, skont ir-rapport annwali tal-istess Awtorità, jirriżulta li hija approvat 1,510 talbiet minn koppji eterosesswali, koppji tal-istess sess u persuni singoli. Dan ifisser żieda sostanzjali ta’ 68% fuq it-talbiet li saru fl-2021.

Fl-istess rapport jingħad li l-maġġoranza ta’ dawn it-talbiet kienu għal ċikli tal-IVF, ċikli ta’ stimulazzjoni tal-oocytes, għal IUIs, għall-użu ta’ embrijuni krijopriservati u għall-krijopreservazzjoni tal-isperma. Mill-274 ċiklu ta’ IVF, irriżultaw f’90 tqala. Minnhom twieldu 32 tarbija, filwaqt li 44 tqala oħra għadhom għaddejjin.

Nemmnu li dawk kollha involuti fit-teħid ta’ tali deċiżjonijiet jixirqilhom apprezzament għall-ħidma tagħhom biex koppji li jkollhom jgħaddu minn żminijiet daqstant diffiċli, anke jekk f’dan il-każ jista’ ma jkunx proċess faċli jew ta’ suċċess fl-ewwel tentattiv, jista’ jasal għalihom ukoll il-jum li f’idejhom iħaddnu tarbija daqstant mixtieqa minnhom.

Dawn ir-riżultati huma frott tal-emendi fil-liġi li taw l-opportunità lil aktar koppji sabiex isiru ġenituri. Dan permezz tal-estensjoni tal-età tan-nisa eleġibbli għall-proċessi tal-IVF u anke l-legalizzazzjoni tal-PGTM. Għalhekk huwa ta’ min ifaħħar l-impenn tal-Gvern f’dan il-qasam daqstant delikat u soċjali, anke fid-dawl li l-koppji li jagħżlu l-proċess tal-IVF issa għandhom aktar moħħhom mistrieħ kemm mill-aspett mediku u anke mill-aspett finanzjarju.

Sadanittant, ir-rapport wera wkoll li rriżultaw ħames tqalat minn IUI bl-isperma tal-missier filwaqt li tliet tqalat oħra rriżultaw minn IUI b’donazzjoni tal-isperma minn terzi. B’kollox matul is-sena li għaddiet ġew approvati 23 donatur tal-isperma barrani għall-użu f’Malta.

Fil-kuntest ta’ dan kollu lil hinn minn kull forma ta’ emenda li qiegħda ttejjeb is-sitwazzjoni ta’ dawn il-koppji, m’hemmx dubju li l-iktar ħaġa li tista’ tweġġa’ lil dawk involuti f’dawn il-proċessi hija d-domanda kontinwa ta’ koppji oħrajn – li biex ngħidu hekk kienu ta’ suċċess fi tqala normali – fuq oħrajn li jistgħu jkunu għaddejjin minn tali deċiżjonijiet importanti f’ħajjithom u jkunu kontinwament qegħdin jistennew l-aħbar tas-suċċess … stennija għal riżultat pożittiv fejn tidħol it-tqala – l-unika tama biex dawn finalment ikunu koppji ‘normali’ bit-tfal.

Sport