It-tim nazzjonali tal-Golf kiseb il-midalja tal-fidda fil-kompetizzjoni tal-ETSC li saret fil-korsa ta’ Costa Navarino fil-Greċja.
Il-Maltin kellhom wirjiet tajbin kontra avversarji ferm aktar ikkwotati minnhom u kienu żvinturati li saħansitra ma ħarġux rebbieħa.
L-ewwel fażi kienet waħda ferm pożittiva għall-Maltin hekk kif Ruud Critien, Liam Debattista u Oliver Stuart kisbu punteġġi mill-aqwa li poġġew lit-tim fit-tieni post tal-fażi tal-gruppi.
Minn hemm il-Maltin lagħbu kontra s-Serbja fil-fażi eliminatorja fejn huma rebħu tnejn mit-tliet logħbiet li lagħbu sabiex eventwalment ikkwalifikaw għas-semifinali ta’ din il-kompetizzjoni.
Fil-fażi tal-aħħar erbgħa huma ltaqgħu kontra l-Bulgarija u b’wirja oħra mill-aqwa l-Maltin rebħu żewġ logħbiet oħra minn tlieta sabiex għamluha għall-finali kontra l-holders il-Greċja.
Din kienet ukoll finali ferm missielta fejn kien biss lejn l-aħħar li l-Griegi aċċertaw ruħhom mir-rebħ tat-tazza wara skor ta’ 3-1.
Fit-tim Malti ħadu sehem il-golfers Ruud Critien u Laurens Schulze Doering flimkien ma’ Oliver Stuart u Liam Debattista li kienu relattivament ġodda għal din il-kompetizzjoni. It-tim kien immexxi minn Andy Borg u kien akkumpanjat mill-president tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Golf William Beck.
Sadanittant għaxar pajjiżi oħra ħadu sehem f’dan it-turnament u dawn kienu l-Albanija, Andorra, il-Bulgarija, Ċipru, Georgia, il-Greċja, Liechtenstein, il-Lussemburgu, Serbja u l-Ukrajna.