Friday, November 15, 2024

It-tim tal-cricket tal-Vatikan f’Malta

Aqra wkoll

Bħalissa jinsab f’Malta it-tim tal-cricket tal-Vatikan. Għalkemm l-isem jidher xi ħaġa stramba, anke fil-Vatikan jiġu pprattikati xi sports partikolari. Il-cricket hu wieħed minnhom. It-tim hu magħmul minn 25 plejer li huma qassisin jew seminaristi li jgħixu fil-belt kapitali Taljana Ruma. Huma ġejjin minn diversi pajjiżi fosthom l-Awstralja, is-Sri Lanka, l-Indja, l-Ingilterra u l-Pakistan.  

Talk.mt tkellem ma’ Fr Bernard Micallef, li hu inkarigat mill-Kummissjoni Sport fi ħdan il-Kurja ta’ Malta. Hu qalilna li ż-żjara ta’ dan it-tim hi waħda unika u tippromwovi l-idea li anke l-qassisin u r-reliġjużi jipprattikaw l-isport.  

“Dan hu tim partikolari li qed jimxi fuq il-passi ta’ San Pawl u qed iduru diversi postijiet u pajjiżi sabiex barra li jilagħbu l-logħba li tant iħobbu, iwasslu l-kelma t’Alla kull fejn imorru.  

It-team manager hu Fr Eamonn O’Higgins u t-tim ilu magħqud madwar tmien snin. Dan it-tim fit- iġġedded b’uċuħ ġodda fosthom għaliex is-seminaristi normalment idumu minn erbgħa sa ħames snin jistudjaw Ruma u mbagħad imorru fi djoċesi f’pajjiżi differenti. Eventwalment dawn l-istess qassisin jibdew ħajja ġdida fil-pajjiż jew belt fejn ikunu assenjati.  

Micallef kompla jgħidilna li t-tim ikkuntattja xi membri mill-Assoċjazzjoni Maltija tal-Cricket sabiex seta’ jiġi għal din iż-żjara f’Malta. Huma diġa’ lagħbu logħba ta’ ħbiberija li fiha rebħu lis-selezzjoni Maltija.  

“Il-plejers faħħru ħafna l-atmosfera u l-ambjent li hemm fil-Marsa u għalkemm is-sħana għamlet tagħha, bosta minnhom imdorrijin b’dawn it-tip ta’ temperaturi partikolarment fl-Indja fejn hu normali li jkun hemm xemx taħraq.” 

Fr Bernard Micallef seta’ jiltaqa’ mill-viċin ma’ dan il-kontinġent u faħħar l-umilta’ tagħhom u l-għatx li dejjem isiru jafu dwar il-kultura Maltija. Fil-fatt Micallef ħadhom f’diversi postijiet ta’ interess fosthom il-Belt Valletta, l-Imdina u postijiet oħra.  

“Minkejja l-interess kultural tagħhom, dawn il-qassisin u reliġjużi se jmorru wkoll f’xi djar fosthom dik ta’ Madre Tereża u l-oħra ta’ San Ġużepp f’Santa Venera. Hemmhekk huma se jiltaqgħu mar-residenti u se jkunu qed iwasslulhom messaġġ ta’ tama u pożittivita’ sabiex jemmnu aktar f’Ġesu Kristu.” 

“Fil-fatt skont ma qalli t-team manager tagħhom stess, dawn il-membri iridu jkomplu bil-missjoni tagħhom li jwasslu l-kelma t’Alla permezz tal-isport.” 

It-tim proprja jismu St Peter’s Cricket Team u jifforma parti minn Atletica Vaticana. Fil-fatt wieħed mill-iżgħar nazzjonijiet fid-dinja għandu wkoll diversi sport ieħor fosthom it-Taekwondo, l-atletika u l-futbol.  

L-objettiv hu dejjem li jimxu fuq il-passi ta’ San Pawl u li jduru d-dinja sabiex jesperjenzaw mumenti uniċi filwaqt li jiltaqgħu mal-komunita’ tal-pajjiż u jxandru l-bxara t-tajba. 

Fr Bernard Micallef qal li dan il-grupp hu ferm attiv fl-ivjaġġar tagħhom partikolarment wara li tneħħew ir-restrizzjonijiet marbuta mal-COVID-19.  

“Bosta minnhom marru f’diversi pajjiżi fosthom l-Arġentina, l-Ingilterra u l-Italja. Hemmhekk sabu diversi persuni jilqgħuhom u ltaqgħu flimkien sabiex jieħdu pjaċir ilkoll flimkien. 

Fr Bernard Micallef temm jgħid li dawn it-tip ta’ żjarat, għalkemm għal xi wħud jidhru ferm strambi, huma xi ħaġa pożittiva speċjalment minn membri tal-kleru li jsibu modi differenti sabiex iwasslu l-bxara t-tajba lill-fidili u lil dawk li jemmnu f’Alla. L-elementi tar-rispett, umilta’ u kuraġġ jispikkaw fost il-kontinġent li ġie f’pajjiżna u li għandhom hawn sal-Ħadd fejn imbagħad ikomplu l-ħajja normali tagħhom f’Ruma filwaqt li jsibu dak iċ-ċans li jilagħbu l-cricket.  

Ekonomija

Sport