It-tim tan-nisa ta’ Valletta kompla jissaħħaħ bl-akkwist ta’ Alexah Fite.
Oriġinarjament minn Texas, l-Istati Uniti, hija se tingħaqad ma’ Valletta FC Women wara li ttemm l-impenji tagħha mal-klabb attwali tagħha fl-Armenja, fejn se tikkompeti fil-kwalifikazzjonijiet tal-UEFA Women’s Champions League.
Difensur xellugija naturali, Alexah hija player b’viżjoni għall-attakk li tgħaqqad il-veloċità mal-versatilità. Komda kemm fir-rwoli difensivi kif ukoll f’dawk ta’ attakk, hija impenjata li tħalli impatt kemm fil-grawnd kif ukoll barra minnu.
Wara karriera kolleġġjali ta’ suċċess fl-Istati Uniti u l-ewwel esperjenza professjonali tagħha fl-Ewropa, Alexah mistennija tibda l-kapitlu li jmiss tal-karriera tagħha f’Malta. Hija ħerqana li tilqa’ sfida ġdida u tikkontribwixxi għall-ambizzjonijiet tal-klabb.
Valletta FC Women laqgħu lil Alexah fi ħdanhom u awgurawlha kull success bil-flokk tat-tim mill-kapitali.









