Friday, April 26, 2024

It-tipjip: Linji gwida biex jgħinuk tieqaf tpejjep!

Aqra wkoll

Minn Dr Georgiana Farrugia Bonnici

It-tipjip dejjem ipoġġi lill-ġisem f’riskji ta’ kumplikazzjonijiet fis-sistemi kardjovaskulari, respiratorja, renali u immunitarja. Għaldaqstant, wieħed għandu jibda t-triq sabiex jieqaf ipejjep mill-aktar fis possibbli.

L-ewwel ħaġa li wieħed għandu jżomm f’moħħu huwa li jrid jkollu pjan imfassal quddiemu ta’ kif biħsiebu jaqta’ l-vizzju tat-tipjip; li primarjament jikkaġuna wkoll dipendenza tal-ġisem lejn in-nikotina. Għalhekk, qabel ma wieħed jibda din it-triq, għandu dejjem jikkonsulta mat-tabib tiegħu, fuq metodi alternattivi li jistgħu jgħinuh biex jitnaqqsu l-effetti tal-“withdrawal” minn din l-“addiction”; bħall-uġiegħ ta’ ras, nuqqas ta’ enerġija, nervi u tibdil fil-burdata. Huwa importanti wkoll li wieħed jixrob ilma spiss, inaqqas l-alkoħol, u jiekol ikel bnin.

Il-“counselling”, jew in-“nicotine replacement therapy” jistgħu jgħinu biex wieħed ikun jista’ jnaqqas il-kilba li kultant żmien ikollu biex jerġa’ jibda jpejjep. Biex jikseb riżultati aħjar, huwa wkoll irrakkomandat li wieħed jibda jnaqqas ftit ftit l-ammont ta’ sigaretti li jpejjep kuljum, minflok jaqta’ kollox ħesrem. Wieħed għandu wkoll jevita li jmur f’postijiet, jew ikun parti minn klikek fejn it-tipjip jintuża bħala mezz ta’ soċjalizzazzjoni.

Huwa fatt magħruf li waħda mir-raġunijiet għalxiex wieħed ipejjep huwa biex jibbenifika mill-effett ta’ rilassament li ġġib magħha n-nikotina. Għaldaqstant, huwa importanti li wieħed ifittex ukoll metodi alternattivi, jew passatempi varji sabiex jkun jista’ jirrilassa, bħall-qari, l-eżerċizzju, jew il-mużika.

Ħaġa oħra li tikkaġuna l-leblieba hija li wieħed jaf xorta jkun jixtieq xi ħaġa f’ħalqu, jew inkella li jagħmel movimenti simili b’idejh li qabel kien dara jagħmel biex jixgħel is-sigarett. Iċ-“chewing gum”, jew tipi ta’ “snacks” żgħar oħra, li jirrikjedu li tqaxxarhom qabel ma tikolhom, bħall-ġewż/lewż, jew li tixrob minn tazza bi “straw”, jaf jgħinu f’dan ir-rigward. Ċerti krafts li jsiru bl-idejn, bħan-“knitting” jaf ukoll jkunu ta’ għajnuna kbira.

Nafu wkoll li t-tipjip huwa assoċjat ma’ avvenimenti oħra bażiċi li jsiru f’kull ġurnata, fil-ħajja tagħna ta’ kuljum, bħat-tipjip waqt il-kolazzjon ma’ xi tazza kafè, jew inkella wara l-ikel. Allura, huwa importanti wkoll li ssibu alternattivi oħra biex timlew il-ħin li s-soltu kontu tqattgħuh biex tpejpu waqt dawn it-“triggers”, bħal per eżempju, li taħsel snienek, jew tibgħat SMS/email minflok tqabbad sigarett. Ħaġa oħra li jaf tgħin hija li tnaddaf id-dar u l-karozza sew ħalli tnaqqas l-odor ta’ sigaretti li jaf iktar iżżid il-leblieba, u tiżbarazza postijiet oħra fejn qabel kont imdorri tpejjep, mil-“lighters” u mill-“ashtrays”.

Huwa importanti ferm li wieħed jiftakar li biex jara kambjament ’il quddiem, irid jagħmel ħafna bidliet żgħar f’ħajtu. Is-sagrifiċċju dejjem irid ikun, però huwa tajjeb li wieħed jippremja lilu nnifsu meta jkun laħaq ir-riżultati li jkun ilu jixtieq.

Naħseb li huwa importanti ħafna li wieħed ikun motivat sabiex ikompli t-triq sal-aħħar; ħalli jaqta’ kompletament il-vizzju qerriedi tat-tipjip. Ngħiduha kif inhi, xi minn daqqiet, din l-imxija jaf tkun twila, u mhux faċli. Però, jekk ma tagħmel l-ebda bidla mhux se tikseb l-ebda riżultati. Għalhekk, hu importanti ħafna li ma taqta’ qalbek qatt.

Fl-aħħar mill-aħħar, huwa ta’ ġid li wieħed jiddeċiedi li jieħu l-ewwel pass biex jaqta’ dan il-vizzju, meta tqis li huwa fatt magħruf li r-rata tal-qalb, tiġi għan-normal sa kwarta biss wara li wieħed ikun pejjep l-aħħar sigarett. Filwaqt li sa sena biss wara li wieħed jieqaf ipejjep, ir-riskju li jaqbdu attakk tal-qalb, jonqos bin-nofs. Madankollu, huwa meta jkunu għaddew għaxar snin mill-waqfien tat-tipjip li wieħed inaqqas totalment ir-riskju ta’ mard kardjovaskulari… jigifieri, qisu qatt ma kien pejjep f’ħajtu. 

Huwa vitali ukoll li wieħed jiftakar li din hija mixja, li se jkun fiha kemm tlajja u kemm inżul. Però qatt mhu tard biex tieqaf tpejjep! Għaldaqstant, biex wieħed forsi jrabbi dak id-daqsxejn iktar kuraġġ u kunfidenza fih innifsu, ikun ideali li jfittex ukoll l-għajnuna professjonali ta’ “smoking cessation therapist” u kif ukoll is-sapport ta’ ħbieb tal-qalb, u membri tal-familja.

Sport