Friday, August 1, 2025

IT-TISĦIĦ TAL-AMBJENT GĦANDU JIBQA’ INTENSIFIKAT

Aqra wkoll

Meta wieħed jitkellem fuq l-ambjent m’għandniex nifhmu biss l-ambjent naturali imma wkoll l-ambjent fit-totalità tiegħu nkluż il-ħarsien tal-karatteristiċi li jsawru l-ibliet u l-irħula tal-gżejjer Maltin. 

Għalhekk hemm bżonn li jkomplu jitjiebu r-regolamenti fejn tidħol il-kostruzzjoni, fejn il-bini ġdid ikun magħmul b’mod sostenibbli u b’hekk tonqos il-pressjoni fuq l-enerġija. Flimkien ma’ dawn, il-Gvern għandu jibqa’ għaddej bil-politika tiegħu li fejn jista’ u kemm jista’ jżid l-ispazji miftuħa u żoni mħaddra fil-komunitajiet tagħna. 

F’pajjiż ċkejken bħal tagħna, l-iżgħar problemi jidhru kbar. B’danakollu ma jfissirx li ma nistgħu nsibu soluzzjonijiet għalihom. Hemm bżonn ukoll illi l-ġibjuni jkomplu għaddejjin minn proċessi ta’ manutenzjoni biex ħafna mill-ilma tax-xita jinġabar u mhux jinħela fit-toroq jew fl-ibħra li jdawruna. 

Huwa importanti wkoll li kemm jista’ jkun jiġi evitat l-użu tal-fjuwils fossili li huma l-parti l-kbira tal-ħsara ambjentali li qed issir u li qed twassal għal konsegwenzi gravi fuq l-umanità fosthom it-tibdil fil-klima. 

Għalhekk għandha tkompli l-politika għaqlija dwar l-enerġija rinovabbli u nittamaw ukoll li jitħaffef il-proċess b’rabtat mas-sistema tal-ġenerazzjoni ta’ enerġija mir-riħ, wara li l-Gvern għandu f’idejh tliet sottomissjonijiet għall-konċessjoni tal-ewwel imtieħen tar-riħ fuq il-baħar.

Billi Malta għandha territorju żgħir, il-proġetti ta’ offshore windfarms huma ambizzjużi fejn jidħol l-enerġija rinovabbli u allura t-tħaris tal-ambjent. Dan huwa pass ieħor sinifikanti biex Malta tilħaq il-miri tal-Unjoni Ewropea f’dak li jirrigwardja t-tnaqqis tal-emissjonijiet.

Fl-istess waqt, issa li ninsabu fl-eqqel tas-sajf, għandu jkun hemm kuxjenza akbar min-naħa tan-nies li jmorru fuq il-bajjiet biex kemm jista’ jkun iħallu nadif il-post li jkunu fih. Għalhekk kulħadd huwa fid-dmir li jagħmel dak li jista’ biex lill-ġenerazzjonijiet li għad iridu jiġu warajna jsibu pajjiż ferm aħjar milli sibnieh aħna.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport