L-impenn ta’ Malta lejn it-tisħiħ tas-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku u l-pjanijiet biex inżidu s-sigurtà tal-provvista permezz t’interkonnessjonijiet ġodda mal-Ewropa u sistemi ta’ batteriji qed iwittu t-triq lejn iktar investiment fl-enerġija rinnovabbli fis-snin li ġejjin.
Kadri Simson, il-Kummissarju Ewropew għall-Enerġija u Miriam Dalli, il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża, iddiskutew il-pjanijiet tal-enerġija rinnovabbli ta’ Malta waqt żjara f’uħud mill-installazzjonijiet tan-netwerk tal-elettriku ewlenin ta’ Enemalta plc, l-Erbgħa filgħodu. Iż-żjara saret jum qabel il-bidu ta’ Med9, il-laqgħa tal-Ministri tal-Enerġija tal-Mediterran, li se ssir il-Belt Valletta nhar il-Ħamis filgħodu.
Il-Kummissarju Simson u l-Ministru Dalli ltaqgħu ukoll ma’ Interconnect Malta, il-kumpanija tal-Gvern fdata bl-iżvilupp ta’ Interconnector 2, it-tieni cable tal-elettriku taħt il-baħar bejn Malta u l-Italja.
Waqt din iż-żjara, it-tmexxija ta’ Enemalta spjegat kif il-kumpanija qed timplimenta programm ta’ rinfurzar tas-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku, b’investiment ta’ €90 miljun, sabiex issaħħaħ in-netwerk waqt li tipprovdi l-kapaċità addizzjonali meħtieġa biex tilqa’ għall-ħtiġijiet tal-investiment li dejjem qed jikber u li l-pajjiż qed jagħmel f’sistemi tal-enerġija rinnovabbli. Iż-żjara inkludiet waqfiet fiċ-Ċentru tad-Distribuzzjoni 132 kV tal-Kappara, li għadu kif ġie mtejjeb, fit-Terminal tal-Interconnector bejn Malta u l-Italja, fil-Magħtab, kif ukoll f’sezzjoni tas-sistema ta’ 30 kilometru ta’ mini taħt l-art, li fihom Enemalta għandha netwerk ta’ 110-kilometru ta’ cables ta’ vultaġġ għoli.
It-tmexxija ta’ Interconnect Malta tat aġġornament dwar l-ippjanar u l-proċess tal-permessi għall-Interconnector 2, li qed jiġi żviluppat bl-appoġġ tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (ERDF) tal-Unjoni Ewropea. Din l-interkonnessjoni se tipprovdi għaż-żieda fil-ġenerazzjoni t’elettriku minn sorsi t’enerġija rinnovabbli li qed jippjana l-pajjiż billi toffri l-istabbiltà meħtieġa fin-netwerk u tibbilanċja l-intermittenza ta’ dawn is-sorsi rinnovabbli.