Sunday, November 10, 2024

IT-TISĦIĦ TAN-NIĊEĊ TURISTIĊI

Aqra wkoll

Illum l-ekonomija Maltija hija diversifikata u fiha setturi varji li qed jissaħħu sew b’investiment kif ukoll b’inizjattivi li jkomplu jagħmluhom attraenti għal min jiġi jżur pajjiżna.

Fost dawn hemm is-settur tal-għadis, li aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar qed jingħata importanza fil-qasam turistiku. Tant li dan is-settur sar wieħed min-niċeċ turistiċi li qed jikber u jġib miegħu aktar dħul ta’ munita barranija f’pajjiżna.

Dan huwa riflessjoni wkoll tal-apprezzament li min hu dilettant tal-għadis jara fil-ġmiel tal-ibħra ta’ dawn il-gżejjer. Għawdex ukoll qed tgawdi mid-dħul li dan is-settur qed iħalli fl-ekonomija Maltija. 

Dan is-settur għalhekk qiegħed ikun niċċa turistika importanti, bil-Gvern jagħraf l-importanza ta’ dan kollu tant li riċentament nieda strateġija nazzjonali li taħseb għall-gżejjer Maltin kollha. F’din l-istess strateġija hemm numru ta’ azzjonijiet li jwasslu biex l-imsemmija industrija tkun waħda li tippremja l-kwalità u s-sostenibbiltà. 

L-istrateġija ħasbet ukoll kif tindirizza l-isfidi tal-pandemija u dawrithom f’opportunitajiet għall-benefiċċju tal-prodott turistiku Malti u għal dawk kollha li joperaw f’dan is-settur. 

Fil-fatt fis-sentejn li għaddew, li kienu karatterizzati mill-pandemija ħafna miċ-ċentri tal-għadis għaddew minn diffikultajiet kbar tant li sofrew telf ta’ bejn 50 u 75% fid-dħul tagħhom fl-2020. Fis-sena ta’ wara jidher li dan is-settur beda jirkupra u t-telf niżel għal bejn 25 u 50%.

Meta nikkunsidraw dan l-irkupru għalkemm għadu ma laħaqx il-livelli ta’ qabel il-pandemija però huwa wieħed inkoraġġanti u l-prospetti għal dan is-settur din is-sena jidhru li se jkunu ferm u ferm aħjar minn dak li ġie reġistrat s’issa.

Aħna minn dawn il-kolonni ningħaqdu mas-sentiment ta’ dawn iċ-ċentri tal-għadis li wrew is-sodisfazzjon tagħhom għall-għarrqa tal-bastiment Hephaestus fix-Xatt l-Aħmar f’Għawdex li mistenni jkompli jkabbar l-attrazzjonijiet ta’ qiegħ il-baħar għad-dilettanti tal-għadis. 

F’dan kollu r-responsabbiltà m’għandhiex titħalla biss fuq il-Gvern u fuq min jopera f’dan is-settur imma għandu jkun ukoll il-poplu li jikkontribwixxi b’għemilu billi jżomm l-ibħra Maltin indaf kemm jista’ jkun. Jekk verament irridu li dawn in-niċeċ turistiċi jirnexxew u jkunu ta’ suċċess m’għandniex inkunu aħna bħala poplu li nostakolaw ħidmiethom imma anke nkunu aħna wkoll li bl-imġiba tagħna ntejbu u mhux inħażżnu  l-affarijiet. 

Irridu nżommu quddiem għajnejna li t-turiżmu huwa wieħed mill-pilastri ewlenin li fuqhom isserraħ l-ekonomija tagħna, ekonomija ta’ pajjiż żgħir, gżira mdawwar bil-baħar. Għalhekk il-baħar għandna nkomplu nħalluh wieħed mis-sorsi li jġib ħafna benefiċċji ekonomiċi għall-poplu Malti. 

Sport