It-tkabbir u t-tisħiħ tal-iStartups f’Malta kien fiċ-ċentru tal-iStartup Festival organizzat mill-Malta Enterprise. Mifrux fuq tliet ijiem u bit-tema ta’ Innovazzjoni, Diġitalizazzjoni u Sostenibilita, l-festival kien ikkaraterizzat minn opportunitajiet ta’ netwerking u diskussjonijiet mill-kommunita tal-iStartups Maltija u dik internazzjonli, flimkien ma’ aspetti ta’ divertiment.
L-iStartup Festival sar fil-Kordin Business Incubation Centre, magħruf aħjar bħala l-KBIC, li qed jiċċelebra l-għoxrin anniversarju mit-twaqqif tiegħu. Bit-tħabbir ta’ KBIC ġdid u bit-titjib fil-portal startinmalta.com, li issa jinkludi mappa interattiva fejn intraprendituri jistgħu jaraw ir-riżorsi li huma disponibbli għalihom madwar il-gżira, dan il-festival ġie fi żmien idejali. Startups ibbażati Malta jistgħu wkoll jirregistraw lilhom nfushom fuq din il-pjattafoma.
Il-Festival infetaħ bil-KBIC Night, fejn ħafna Startups li huma bbażati fil-KBIC ġew rikkonoxxuti għax-xogħol siewi li qed jagħmlu permezz ta’ sensiela ta’ vidjows. Numru ta’ kumpaniji li llum m’għadhomx ibbażati fil-KBIC, ukoll ġew rikonoxxuti għall-passi ‘l quddiem li għamlu. Il-KBIC Night kien ukoll il-pjattaforma idejali biex jitnieda l-programm Shark Tank, programm internazzjonali li se jkun qed jipprovdi opportunitajiet ġodda lil intraprendituri bbażati f’Malta.
Il-bqija tal-festival kien iffokat fuq diskussjonijiet li fihom ipparteċipaw esperti fil-qasam tal-Intelliġenza Artifiċjali, it-teknoloġija hekk kif tigi applikata f’oqsma varji, prattiċi sostenibbli u iktar. Rappreżentanti ta’ numru ta’ entitajiet tal-gvern ukoll kienu preżenti u wieġbu l-mistoqsijiet tal-intraprendituri. Din il-konverġenza ta’ stat u entitajiet kummerċjali hija sinjal tal-importanza li għandhom l-iStartups f’Malta.
L-iStartup Festival jissuċedi l-iStartup Café, li kellu rekord mill-iktar pożittiv u li matul iz-zmien bena reputazzjoni b’saħħitha ħafna. Kien dan is-suċċess li xpruna il-bżonn tal-iStartup Festival.