Studju li sar ġewwa l-kapitali Indjana Delhi wera li t-tniġġis tal-arja ġewwa d-djar huwa agħar minn dak li ssib fil-miftuħ. L-istudju sab li l-livell tal-partiċelli magħrufa bħala PM2.5 – li jagħmlu ħsara lill-pulmun – huma “sostanzjalment ogħla” ġewwa d-djar milli fil-miftuħ. Minkejja dan ħafna persuni qed jonqsu milli jieħdu l-miżuri neċessarji biex dan jitnaqqas.
L-istudju sar mill-Energy Policy Institute fl-Università ta’ Chicago (EPIC) fil-perjodu bejn l-2018 u l-2020. Fih ġew analizzati numru ta’ residenzi privati ġewwa Delhi u nstab li d-differenza fil-kwalità tal-arja bejn id-djar tas-sinjuri u tal-faqar hija waħda żgħira ħafna. Ir-riċerkaturi sabu li dawk bi dħul tajjeb għandhom il-possibbiltà li jixtru apparat li jippurifika l-arja fid-dar, iżda minkejja dan il-livelli ta’ tniġġis xorta waħda huma għolja ħafna. L-esperti wara dan l-istudju qalu li f’Delhi ħadd ma jieħu arja nadifa irrilevanti jekk tkunx sinjur jew fqir. Il-belt ta’ Dehli ta’ sikwit tiġi fuq quddiem fil-lista tal-iktar bliet imniġġsa fid-dinja.
L-Għaqda Dinjija tas-Saħħa tikkalkula li globalment seba’ miljun persuna jmutu b’mod prematur minħabba mard ikkawżat minn kwalità ta’ arja ħażina. Dan ifisser li l-arja ħażina hija qattiela daqs is-sigaretti u dieta ħażina. L-esperti jgħidu li l-espożizzjoni għall-arja ħażina fil-fatt isseħħ ġew id-djar u mhux barra. Skont l-Environmental Protection Agency (EPA), il-livelli ta’ tniġġis fl-arja ġewwa d-dar ikun bejn darbejn u ħames darbiet iktar minn dak ta’ barra.
Fl-Indja, huwa kkalkulat li miljun persuna jmutu ta’ kull sena kawża ta’ ajra mniġġsa.