Saturday, November 16, 2024

“It-tobba qaluli li kelli ħruq ta’ stonku minħabba xorb żejjed – issa qed niġġieled għal ħajti”

Taqsam l-istorja tagħha biex tappella lin-nies ħalli meta jħossu li hemm xi ħaġa ħażina f’ġisimhom, ma jiddejqux isaqsu għal aktar opinjonijiet mit-tobba

Aqra wkoll

Studenta tal-università mir-Renju Unit kienet ixxukkjata meta saret taf li kellha kanċer inkurabbli, wara li t-tobba kienu qalulha li kellha ħruq fl-istonku minħabba xorb eċċessiv tal-alkoħol.

Hija qed taqsam l-istorjja tagħha biex tappella lin-nies biex meta jħossu li hemm xi ħaġa ħażina f’ġisimhom, biex ikomplu jfittxu għal tweġiba meta forsi ma jkunux daqstant konvinti u anke jekk ikun hemm bżonn jitolbu għal aktar testijiet biex f’każ li tassew sfortunatament ikun hemm xi ħaġa, dik ix-xi ħaġa tkun tista’ tinqabad minn kmieni u b’hekk tingħata l-kura mill-ewwel.

Georgia Ford, ta’ 20 sena, marret għand it-tobba f’April li għadda wara li żviluppat sogħla differenti minn tas-soltu, iżda minflok tawha pilloli li jipproteġu l-istonku minħabba x-xorb.

Matul diversi xhur, is-sintomi tagħha marru għall-agħar – hekk kif bdiet titlef il-piż u tbati minn uġigħ fid-dahar b’mod misterjuż.

Wara għadd ta’ vjaġġi għand it-tobba, fl-aħħar ġiet iddijanjostikata b’kanċer tal-kliewi msejjaħ papillary renal cell carcinoma.

Issa tgħid li ħajjitha nqalbet ta’ taħt fuq minn meta rċeviet l-aħbar ta’ qsim il-qalb li l-kanċer kien infirex ukoll fil-pulmun, fil-fwied u fl-għadam tagħha – u li kien inkurabbli.

L-aspirant avukat qed tħeġġeġ lil kull min mhux sodisfatt b’tabib biex ikompli jinsisti għal tweġibiet meta wieħed iħoss li hemm xi ħaġa li mhix sew.

Georgia, minn Gloucestershire, qalet: “Oriġinarjament it-tabib qal li l-mard kien rifluss tal-aċidu mill-ammont ta’ alkoħol li kont qed nixrob għax kont studenta. Imma mbagħad ġejt id-dar fejn ma nixrobx b’mod eċċessiv u s-sintomi xorta komplew. Il-pilloli ma ħadmux. Kien żmien fejn ħasbu li forsi kienet xi ħaġa relatata mal-ansjetà u kienet aktar sintomu psikoloġiku milli fil-fatt problema fiżika,” qalet it-tfajla.

Hija qalet li s-sogħla tagħha marret għall-agħar progressivament sal-punt li bdiet twaqqafha milli tkun tista’ tagħmel affarijiet bħall-mixi jew tiġri bħas-soltu, u saret ukoll sfida biex titla’ t-taraġ.

Minkejja li darba minnhom marret l-emerġenza għax bdiet tisgħol bid-demm, hija ssostni li kienet assigurata li ma kienx kanċer jew ‘xi ħaġa ta’ theddida għall-ħajja’.

Georgia qalet: “Jgħid x’jgħid tabib jew xi professjonist fil-kura tas-saħħa int taf ġismek aħjar minn ħaddieħor. Jekk taħseb li hemm xi ħaġa ħażina u jekk ma tħossx li dak li qed jgħidu huwa tajjeb, bħal li ħaqqek scan jew xi ħaġa aktar, trid tkompli tirsisti.”

Ekonomija

Sport