Monday, December 9, 2024

It-tqassim tal-ikel mill-Gvern lill-familji fil-bżonn se jibda lejn l-aħħar ta’ April

Aqra wkoll

Dettalji jitħabbru fil-jiem li ġejjin; Il-benefiċjari tal-SFFD għat-tqassim ta’ April u Mejju 2020 jlaħħqu 19,773

Minn MARIA AZZOPARDI

Inewsmalta tinsab infurmata li l-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali (MFCS) flimkien mal-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali (FSWS) li tikkordina t-tqassim tal-ikel tal-Unjoni Ewropea (FEAD) u dak iffinanzjat mill-Gvern Malti (SFFD) qed jifinalizzaw il-preparamenti meħtieġa biex dawn iż-żewġ programmi ta’ għajnuna lill-aktar familji fil-bżonn f’pajjiżna jsiru bħas-soltu, minkejja l-imxija tal-Corona Virus.

Minn informazzjoni li għandu dan il-ġurnal, l-ewwel tqassim li jmissu jsir huwa dak ffinanzjat mill-Gvern, l-iState Funded Food Distribution (SFFD). Dan it-tqassim se jibda jsir lejn l-aħħar ta’ April u dettalji dwar kif se jsir dan it-tqassim mistennija jitħabbru matul il-jiem li ġejjin.

Kemm il-Ministeru u kemm l-FSWS huma impenjati mhux biss li din l-għajnuna tkompli tingħata imma, fuq kollox, li l-mod li bih titwassal għand in-nies tkun totalment konformi mad-direttivi tal-Awtoritajiet tas-Saħħa. Aktar u aktar meta l-benefiċjari tal-SFFD għat-tqassim ta’ April u Mejju 2020 jlaħħqu 19,773.

L-Iskema ta’ Distribuzzjoni tal-Ikel Iffinanzjat mill-Istat jew kif inhi aktar magħrufa bħala l-SFFD, se tingħata lil dawk in-nies l-iktar fil-bżonn, u hija ffinanzjata totalment mill-istat. L-iskema hija mmirata biex tilħaq firxa usa’ ta’ nies fil-bżonn. Il-familji ma jingħatawx sempliċement ikel b’xejn iżda wkoll l-appoġġ soċjali meħtieġ.

Din l-iskema minbarra li toffri għajnuna materjali lil familji li huma l-aktar fil-bżonn jew vulnerabbli, turi l-impenn tal-Gvern biex jikkontribwixxi wkoll għat-tnaqqis tal-faqar u l-esklużjoni soċjali.

Hemm diversi kriterji ta’ eliġibbiltà li jinkludu persuni li jirċievu benefiċċju mhux kontributorju bħal għajnuna għall-qghad, benefiċċju speċjali għall-qgħad, allowance għal ġenitur waħdu mhux miżżewweġ, fost kriterji oħra.

Jekk tixtieq tkun taf aktar dwar il-kriterji ta’ eliġibbiltà ġenerali u informazzjoni dwar l-applikazzjoni żur is-sit socialsecurity.gov.mt u fittex għall-iSkema ta’ Distribuzzjoni tal-Ikel Iffinanzjat mill-Istat (SFFD). Tista’ wkoll iċċempel fuq il-freephone 153 jew in-numru tas-sigurtà soċjali 21 255 153

Ekonomija

Sport