Monday, July 15, 2024

It-traffiku fl-ajruport ta’ Malta f’Ġunju jiżdied bi 13.9%

Aqra wkoll

Matul ix-xahar ta’ Ġunju, it-traffiku tal-passiġġiera żdied bi 13.9% meta mqabbel mal-istess xahar tas-sena li għaddiet, biex b’kollox għaddew mill-ajruport 858,738 passiġġier. L-iktar jum bieżel fl-ajruport inzerta lejn l-aħħar tax-xahar, meta 33,269 passiġġier ivvjaġġa minn jew lejn Malta fuq 207 titjiriet differenti nhar is-27 ta’ Ġunju.

It-traffiku tal-ajruplani, matul l-istess xahar, ukoll żdied b’14.7 fil-mija, filwaqt li l-postijiet disponibbli fuq it-titjiriet irreġistraw żieda ta’ 13.5%. L-okkupanza tal-istess postijiet fuq it-titjiriet rat tkabbir marġinali ta’ 0.3 punti perċentwali fuq l-istess xahar tal-2023, biex Ġunju għalaq b’seat load factor ta’ 86.6%.

Is-suq Taljan baqa’ l-aktar wieħed importanti għall-ajruport matul ix-xahar li għadda tant li kien responsabbli għal 23% tal-movimenti tal-passiġġiera, segwit mir-Renju Unit (21.0%), il-Ġermanja (8.1%), Franza (7.7 %) u l-Polonja (5.2%).

L-aqwa suq li minnu ġej passiġġieri kien dak Taljan hekk kif waslu 198,455 passiġġier filwaqt li l-aktar ajruport popolari kien dak ta’ Gatwick fl-Londra li minnu biss ġew 50,447 passiġġier.

Fi stqarrija l-MIA tgħid li f’Ġunju waslu u telqu 5,633 ajruplan. Mill-bidu tas-sena s’issa għaddew 4,065,414 passiġġier mill-Ajurport Internazzjonali ta’ Malta u dan ifisser 18.4% żieda fuq is-sena 2023.

Intant l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta ppubblika pjan tat-traffiku li jindika l-aktar ħinijiet impenjattivi għall-ajruport matul ix-xhur tas-sajf, bil-għan li l-passiġġiera li jkunu se jitilqu mill-ajruport fil-ġimgħat li ġejjin ikunu jistgħu jippjanaw aħjar il-vjaġġ tagħhom minn qabel. L-istess pjan jinkludi wkoll linji gwida biex jassistu lill-passiġġiera li jkunu se jsiefru. Dawn il-punti ġew ippubblikati fuq is-sit tal-ajruport u jistgħu jiġu aċċessati hawn, filwaqt li ġew installati wkoll sinjali madwar it-terminal biex jiggwidaw aħjar lill-passiġġiera.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport