Saturday, May 4, 2024

“It-traġedja ta’ pajjiżna hija li ż-żgħażagħ iridu jitilqu”

Bernard Grech jistieden liż-żgħażagħ biex jibqgħu Malta u jkunu parti mill-bidla

Aqra wkoll

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech, tenna għall-fatt li l-maġġoranza assoluta taż-żgħażagħ Maltin iridu jitilqu minn Malta u jsibu futur aħjar barra mill-orizzonti tagħna. Huwa ddeskriva din is-sitwazzjoni bħala traġedja u ħa l-okkażjoni biex jindirizza liż-żgħażagħ kollha biex ma jitilqux. Minflok il-Kap tal-PN stedinhom jingħaqdu mal-partit tiegħu ħalli huma wkoll ikunu parti mill-bidla b’viżjoni li għandu bżonn dan il-pajjiż.

Bernard Grech indirizza attività politika fin-Naxxar fejn għamel sejħa liż-żgħażagħ kollha Maltin u Għawdxin biex ma jaqtgħux qalbhomm minn pajjiżhom. “Ejjew u għamlu l-bidla ta’ dak li qiegħed jaqtagħlkom nifiskom. Kunu intom ukoll parti mill-bidla. Wessgħu l-ambizzjonijiet tagħkom u flimkien mal-esperjenza tal-anzjani, nerġgu nibnu Malta li taħdem għal kulħadd. Infaslu flimkien il-ġejjieni li tridu tgħixu u flimkien inwettqu l-bidla biex kulħadd ikun jista’ jwettaq il-ħolm tiegħu,” insista l-Kap tal-Oppożizzjoni.

Huwa qal li hemm bżonn li ta’ kuljum nitħaddtu fuq soluzzjonijiet li għandna bżonn bħala pajjiż fosthom li jerġgħu jiżdiedu l-investituri barranin f’pajjiżna u li Malta terġa’ tkun attraenti.

Fl-intervent tiegħu l-Kap tal-PN qal li l-Gvern tal-Partit Laburista sar arroganti mentri huma bħala politiċi jridu jibqgħu umli, awtentiċi u realistiċi. Sostna li l-Gvern ma jistax jibqa’ jġib l-iskuża li l-pandemija ġiegħlitu jonfoq ħafna flus għax issa hemm €1.3 biljuni oħra li sal-lum, “għadu ma qalilniex fejn nefaqhom. Kull ġurnata u kull xahar qiegħed iberbaq il-flus u aħna se ngħidilkom fejn qegħdin jonfqu dawn il-flus”. Hawnhekk Grech semma’ l-kuntratti tal-Electrogas u tal-isptarijiet fejn qal li t-tberbiq mhux qiegħed isir bil-għaqal u li wasal iż-żmien li l-poplu jagħmel għażla. Saħaq li hemm bżonn li lil dan il-pajjiż nagħtuh futur aħjar b’ambjent sabiħ kemm bi spazji miftuħa, kif ukoll l-ambjenti li ngħixu u naħdmu fihom. “Hemm bżonn ta’ bidla b’viżjoni fejn kulħadd iħares pajjiżna b’mod tajjeb u li nieħdu ħsieb kulħadd. Li jkun hemm valuri għax dawn huma importanti għall-familja u għat-tessut tan-nazzjon,” kompla l-Kap tal-Oppożizzjoni. 

Għal darb’oħra Grech semma’ x-xandir pubbliku fejn qal li sfida oħra li għandna f’Malta hija dik tal-verità, “ħalli l-Maltin jiddeċiedu fuq il-verità u mhux propaganda”. Huwa qal li bħala politiċi jridu jaraw x’jistgħu jagħmlu aħjar fost l-oħrajn għat-tfal u ż-żgħażagħ tagħna, kif ukoll għall-futur tal-pajjiż. Il-Kap tal-PN qal li l-poplu għandu għażla waħda u din hija li jtella’ lill-Partit Nazzjonalista fil-Gvern. 

Fi tmiem id-diskors tiegħu Bernard Grech wiegħed li ladarba fit-tmun tal-pajjiż, se jwaqqaf il-kuntratti “sange suga” li saru “b’korruzjoni”  u li fl-ewwel sena tiegħu, jassigura li jkun hemm ukoll titjib fis-setturi tat-turiżmu, l-enerġija, manifattura, innovazzjoni u dak marittimmu fost l-oħrajn.

Sport