Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn ir-refereeing?
L-imħabba tiegħi lejn l-isport, u l-futbol b’mod partikolari, bdiet fiż-żmien meta kont nattendi l-iskola sekondarja fi ħdan il-Kulleġġ San Alwiġi, Birkirkara, bejn l- 2008 u l-2013. Minn dejjem kont insegwi l-futbol u kont nibqa’ affaxxinat bl-awtoritá u r-rispett li kellhom ir-referis kif ukoll l-importanza tagħhom fil-logħba in ġenerali. Kien għalhekk li f’Settembru tal-2014 bdejt nattendi l-akkademja tar-referees organizzata mil-MFA u eżattament sena wara, fl-etá ta’ 18-il sena, kont involut bħala uffiċjal fl-ewwel logħba tal-karriera tiegħi. Minn hemm kompliet tikber iktar l-imħabba tiegħi lejn ir-refereeing speċjalment minħabba r-rwol li għandu referee u assistant referee waqt il-logħba kif ukoll minħabba l-ammont kbir ta’ ‘soft skills’ li jsiru parti mil-karattru u jsawruk bħala persuna.
Kif qed tħares lejn il-fatt li proprju fil-jiem li għaddew, ingħatajt il-badge tal-FIFA bħala assistant referee?
It-tragward li ġejt mogħti l-FIFA badge bħala assistant referee ġie wara snin twal ta’ sagrifiċċji u ħidma, kemm waħdi kif ukoll man-numru ta’ mentors u observors li kelli matul dawn l-aħħar 10 snin. Minn hawn nixtieq nieħu l-opportunitá biex nirringrazzja lil kull min għeni f’dawn is-snin kollha, b’mod speċjali l-familjari u t-tfajla, ħbieb, kollegi, u mentors fi ħdan il-familja tar refereeing, u fl-aħħar u mhux l-inqas lir-Referees Committee li wera l-fiduċja fija biex jinnominani għall-FIFA badge din is-sena. Li tilħaq tragward bħal dan inissel fija sens ta’ responsabbiltá biex nibqa’ naħdem u nagħmel l-almu tiegħi kollu kemm fuq il-pitch kif ukoll barra mil-pitch biex inkun nista’ nirrapreżenta lil pajjiżi bl-aqwa mod possibbli fl- appointments internazzjonali futuri.
Hemm xi logħba li uffiċjajt li tibqa’ tiftakar iktar minn oħrajn?
Logħba li nibqa niftakar tkun żgur il-logħba mil UEFA Youth League bejn l-iskwadri taż-żgħażagħ tal-Franċiżi FC Nantes u l-Finlandiżi HJK Helsinki. Lura fit- 8 ta’ Novembru 2023, ir-referees committee kien wera fiduċja fija u appuntani għal din il-logħba flimkien ma’ Ishmael Barbara u Duncan Spencer. Din il-logħba nibqa’ niftakarha għaliex minkejja li kienu l-youth teams tal-iskwadri rispettivi, il-logħba intlagħbet fil-grawnd tal-iskwadra prinċipali ta’ FC Nantes. L-attendenza għal dik il-loghba kienet ta’ kważi 15,000 ruħ, numru li ma tantx narawh f’logħob lokali u huwa għalhekk li opportunitá bħal din se tibqa’ fil-memorja tiegħi għas- snin li ġejjin.
Kemm huwa importanti li jkun hemm komunikazzjoni tajba bejn l-uffiċjali tal- logħba waqt partita u anke mal-plejers li huma l-atturi ewlenin fil-grawnd?
Nemmen li l-komunikazzjoni hija l-qofol ta’ kollox waqt dawk id-90 minuta fil- grawnd. L-ewwelnett irid ikun hemm komunikazzjoni bħala tim ta’ uffiċjali, ngħinu lil xulxin f’kull ħin u kull mument. Komunikazzjoni tajba bejnietna hija importanti għax dak li forsi ma jarax wieħed minna, jista’ jkun li jarah xi ħadd ieħor għax ikollu angolatura jew pożizzjoni aħjar, u fl-aħħar mil-aħħar tittiehed dik li tkun l-aħjar deċiżjoni. Apparti minn hekk, nemmen li għandu jkun hemm komunikazzjoni ukoll maż-żewġ skwadri involuti waqt il-logħba, b’mod speċjali l-kowċis u l-plejers rispettivi. Din tal-ahhar hija wkoll importanti għaliex nemmen li din twassal għal rispett reċiproku u fl-aħħar mill-aħħar il-kontroll tal-logħba jkun aktar faċli.
Tħoss li hemm rispett adekwat mill-pubbliku sportiv Malti lejn l-uffiċjali tal- logħba?
Bħala referis nifhmu l-adrenalina tal-pubbliku sportiv waqt dawk id-90 minuta, li hija riżultat tal-imħabba li għandhom lejn il-klabb u l-logħba tal-futbol. Huwa għalhekk li nifhem ukoll l-atteġjament tal-partitarji waqt il-logħba meta xi deċiżjoni li tittieħed tmur kontra t-tim ma’ min iżommu huma. Nemmen li minkejja dan, hemm rispett adekwat lejna r-referis, peró, ilkoll naqblu li dan ir-rispett jisfaxxa meta jidħlu elementi bħal vjolenza jew l-atteġjament imur oltre minn dawk id-90 minuta tal-logħba.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek bħala assistant referee fil-futbol?
Issa li sirt nifforma parti mill-FIFA Panel bħala assistant referee inħoss li għandi naħdem iktar minn qatt qabel. Tragward bħal dan jiftaħ il-bibien għal aktar opportunitajiet fosthom kemm logħob importanti lokali, kif ukoll appointments internazzjonali. Dawn jiġu biss jekk wieħed ikompli jirsisti u jaħdem kemm waqt il-logħob kif ukoll wara bħal taħriġ fiżiku u taħriġ ta’ clips u sitwazzjonijiet differenti. Inħares ‘il quddiem b’ċerta ħeġġa għall-futur tiegħi kemm għal dak li ġej lokalment kif ukoll barra minn Malta.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess bħala referi.
Lura fl-2015 qatt ma kont nemmen li għaxar snin wara kont se nkun bil-FIFA badge. Bħali kien hawn oħrajn, u nemmen li attwalment hemm oħrajn li għandhom il-potenzjal biex jilħqu tragward bħal dan. Inħeġġeġ lil dawk li qed jaqraw dan l-artiklu u jħobbu l-futbol, biex jikkunsidraw li jibdew karriera bħal din. Ikolli nistqarr li mhix karriera ħafifa, għax biex tirnexxi hemm ħafna sagrifiċċji li trid tagħmel għas-skapitu ta’ affarijiet oħra. Peró, f’dawn l-għaxar snin inħares lura u nista’ ngħid li hija karriera li tlaqqgħek ma’ ħafna nies, tgħallmek numru ta’ ħiliet li jsawruk bħala bniedem, u tista’ tagħtik sodisfazzjoni kbir!