Il-ħidma tad-Delegat Speċjali tal-Partit Laburista għat-twettiq tal-manifest elettorali trid issir b’kordinament ma’ diversi Ministeri u/jew entitajiet tal-Gvern bil-għan li l-Partit Laburista jżomm rendikont kif suppost u kif inhuwa obbligat li jagħmel f’rispett sħiħ lejn l-elettorat fl-aħħar Elezzjoni Ġenerali u vvota għal dak il-manifest elettorali.
Dan is-sit ħa l-fehma ta’ Jason Micallef, li qed jokkupa l-kariga ġdida ta’ Delegat Speċjali tal-Amministrazzjoni tal-Partit Laburista dwar l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali, dwar ir-rwol tiegħu f’din il-kariga, il-prijoritajiet ewlenin li se jkun qed jaħdem fuqhom u kif qed iħares lejn il-ġejjieni tal-Partit Laburista.
Il-Partit Laburista qatt ma kellu kariga ta’ persuna responsabbli mit-twettiq tal-manifest elettorali. Din il-kariga dejjem kienet għand xi Ministru. Kif tħares lejn ir-responsabbiltà ġdida tiegħek f’qasam daqstant importanti?
Huwa minnu li l-Partit Laburista qatt ma kellu ħatra ta’ Delegat Speċjali fuq l-Implimentazzjoni tal-Manifest Elettorali. Din il-ħatra m’għandha l-ebda kunflitt ma’ ħatriet oħrajn li kienu responsabbli tagħhom Ministri fil-passat jew għadhom responsabbli tagħhom illum. Bil-kontra, il-Partit Laburista ra li kien wasal iż-żmien li l-implimentazzjoni tal-Manifest Elettorali kif imfassal mill-Partit Laburista kellu jibda jkollu gwardjan fuqu min-naħa tal-Partit u mhux mill-Gvern biss. Dan ix-xogħol xorta waħda jfisser ħidma kkoordinata ma’ diversi Ministeri u/jew entitajiet tal-Gvern bil-għan li l-Partit iżomm rendikont kif suppost u kif inhu obbligat li jagħmel f’rispett sħiħ lejn l-elettorat li fl-aħħar Elezzjoni Ġenerali vvota għall-Manifest Elettorali tal-Partit Laburista.
Kif se tkun qed tissorvelja illi l-budget ikun konformi mat-twettiq ta’ diversi miżuri tal-manifest elettorali?
Mingħajr ma nidħol fuq kif jitfassal il-budget tal-Gvern Ċentrali, hi ħaġa naturali li l-wegħdiet tal-Manifest Elettorali jridu jkunu, kif dejjem kienu, riflessi fil-budget ċentrali tal-Gvern matul il-leġiżlatura sħiħa. Fuq dan għax naf, qed jagħmel biċċa xogħol tajba ħafna l-Ministru għall-Finanzi l-Onorevoli Clyde Caruana.
Kemm twettqu miżuri sa issa u kemm tipprevedi li se jitwettqu sal-aħħar tal-leġiżlatura?
F’dan l-istadju mhux il-każ illi ngħid kemm twettqu miżuri jew se jkunu twettqu sal-aħħar tal-leġiżlatura. Li qed nagħmel żgur hu, li fis-sensiela ta’ laqgħat twal li qed ikolli ma’ Ministri differenti u ma’ entitajiet tal-Gvern, qed naraw li dawk il-proġetti illi bdew u għandhom bżonn ta’ aktar progress, dan iseħħ. Min-naħa l-oħra fejn jeżistu proġetti li waqgħu lura qed nagħmel sforz kbir biex dawn jibdew mill-aktar fis possibbli. Xi wħud minn dawn il-proġett diġà kien hemm aħbarijiet sbieħ dwarhom fl-aħħar ftit ġimgħat.
Xi prijoritajiet għandek, speċjalment dwar it-twettiq ta’ proposti li għadhom jissemmew iżda la sa issa għadhom mhux lesti, fosthom it-trakka tat-tlielaq tal-karozzi?
Jiena persuna li min-natura tiegħi jekk nara ħajt, mhux nieqaf, imma nipprova nitla’ miegħu biex nasal. Abbażi ta’ dan l-eżempju hemm proġetti illi ilhom jissemmew, kif qed tgħid inti, bħal fil-każ tat-Trakka tal-Karozzi u l-Villaġġ tal-Karnival, li tajthom prijorità fit-twettiq ta’ xogħli. Nifhem illi fit-tħabbir tal-budget ta’ nhar it-Tnejn se jkun hemm aħbarijiet sbieħ f’dan ir-rigward.
L-ambjent dejjem kien settur kontenzjuż għall-Gvern. Taħseb li l-proposti f’dan ir-rigward għandhom jingħataw aktar prominenza?
M’hemmx dubju li s-settur ambjentali, bħal setturi oħrajn, jibqa’ wieħed ewlieni fl-interess tal-familji tagħna. F’dan ir-rigward jonqos xi jsir sew. Min-naħa l-oħra anki f’dan is-settur sar ħafna u forsi ma nitkellmux biżżejjed dwar dan. Ir-riġenerazzjoni multi-miljunarja f’Ta’ Qali, li tagħha inzertajt responsabbli jiena, ilha għaddejja bla waqfien għal 4 snin sħaħ. Il-frott ta’ dan ix-xogħol jista’ jarah kulħadd u llum Ta’ Qali qed joffri faċilitajiet differenti soċjokulturali, sportivi, u tad-divertiment. M’hemmx dubju li proġetti fuq l-iskala ta’ Ta’ Qali li kienu mwiegħda fil-Manifest Elettorali fejn bdew iridu jitlestew u fejn ma bdewx irridu naraw li dawn jibdew.
Apparti l-kariga ġdida tiegħek, xi prospetti tara għall-futur mit-tiġdid li l-Partit Laburista wettaq diġà u jrid ikompli jwettaq, speċjalment wara l-elezzjonijiet ta’ Ġunju li għadda?
Kif jaf kulħadd jiena persuna li ma nħobbx indur mal-lewża. Hekk minn dejjem kont u mhux se ninbidel. Hekk nemmen li għandha tkun kull persuna fil-ħajja pubblika b’mod speċjali l-politiċi. F’dan is-sens nemmen u nixtieq li nara malajr kemm jista’ jkun il-frott tat-tiġdid li għaddejna minnu fl-elezzjonijiet interni tal-Partit Laburista ta’ riċenti. Mhux biżżejjed li noqogħdu nitkellmu li l-Partit qed
jieħu nota tal-messaġġ li bagħatlu l-poplu fl-elezzjonijiet ta’ Ġunju li għadda. Issa rridu ngħaddu biex nuru li ta’ bilħaqq qed niġġeddu u ninbidlu.
Fl-aħħar nett, il-Partit Laburista x’direzzjoni jrid jieħu, fil-fehma tiegħek, għall-elezzjoni ġenerali li jmiss?
Kif diġà sħaqt, jekk il-Partit Laburista jrid jidħol tajjeb u b’saħħtu biżżejjed għall-kampanja elettorali tal-Elezzjoni Ġenerali li jmiss, irid jidher li għad għandu l-enerġija, il-viżjoni u l-pjan għall-aspirazzjonijiet tal-familji Maltin u Għawdxin illi tant għamluh popolari mal-elettorat f’kull elezzjoni mill-2013 ’l hawn.