Saturday, October 26, 2024

IT-TRASPORT FIL-GŻEJJER MALTIN … PROGRESS JEW RIGRESS?

Aqra wkoll

Ċifri li għadhom kif ġew ippubblikati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika dwar it-trasport, bil-baħar, bl-ajru u bl-art, għas-sena 2021 juri li din kienet sena li għalkemm kienet għadha dominata mill-pandemija tal-Covid-19, konna bdejna naraw l-ewwel sinjali ta’ ċaqliq fin-numri meta kkumparat mas-sena ta’ qabel, is-sena meta faqqgħet il-pandemija. 

Notevoli kienu ż-żidiet reġistrati f’dak li huwa vjaġġar bl-ajru, fejn it-traffiku tal-passiġġieri fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta żdied b’45.4%, bl-aktar destinazzjonijiet popolari jibqgħu l-Italja u r-Renju Unit. Dan minnu nfih juri illi s-safar lejn u minn pajjiżna reġa’ beda jirpilja, anke wara li bdew jiġu rilassati xi restrizzjonijiet, għalkemm kien għadu ferm ‘il bogħod mil-livelli ta’ qabel il-pandemija. 

L-istess f’dak li għandu x’jaqsam mat-trasport bil-baħar fejn rajna kif in-nies li telqu minn Malta fuq vapuri tal-passiġġieri żdied b’7,892 filwaqt li dawk li niżlu Malta żdied b’9,771 fuq l-2020. Il-mezz tat-trasport bil-baħar kompla jespandi anke matul is-sena li għaddiet, fejn kien hemm żieda ta’ passiġġieri li waslu Malta bil-cruiseliners. 

Iċ-ċifri tal-NSO juru wkoll li fl-2021, l-aktar mezz ta’ trasport użat kien dak ta’ karozzi privati li bejniethom akkumulaw għal 2,290 miljun kilometri jew 80.2% tad-distanza totali ta’ vjaġġar. Dan għaliex ġara? Għaliex in-nies għad m’għandhomx dik il-fiduċja fit-trasport pubbliku? Jew għax iħossuhom aktar komdi jivvjaġġaw bil-karozzi privati tagħhom, anke għad-detriment tal-ambjent? 

F’dan il-kuntest ma nistgħux nonqsu milli nsemmu l-introduzzjoni tat-trasport pubbliku b’xejn għal kulħadd li bdiet f’Ottubru tas-sena li għaddiet. Ir-riżultati ta’ din il-miżura għalkemm ilha biss ftit xhur jidher li huma pożittivi. Madankollu, nemmnu li għad fadal aktar xi jsir biex it-trasport pubbliku jattira aktar passiġġieri.

Dan jista’ jsir biss jekk titjieb il-puntwalità u l-frekwenzi fir-rotot tal-karozzi tal-linja. Aktar u aktar fix-xhur tas-sajf meta f’pajjiżna jkun hawn eluf ta’ turisti li jagħmlu użu minn dan it-trasport. Dan mhux biss għandu effett ambjentali imma wkoll wieħed ekonomiku billi jnaqqas l-ispiża fuq ix-xiri ta’ fjuwil għat-trasport. Għalhekk huwa imperattiv li n-nies jużaw aktar it-trasport pubbliku u kif ukoll tikber il-ħtieġa għal vetturi li ma jniġġsux.

Sport