Friday, May 3, 2024

Lionel Messi jaqbeż il-marka tal-100 goal għall-Arġentina

Aqra wkoll

Lionel Messi qabeż il-marka ta’ 100 goal fil-karriera għall-Arġentina b’hat-trick fl-ewwel taqsima fir-rebħa tal-partita ta’ ħbiberija fuq Curacao bl-iskor ta’ 7-0.

Messi, 35 sena, fetaħ l-iskor kontra t-team mill-Karibew fl-20 minuta b’xutt bil-lemin minn tarf il-kaxxa biex laħaq it-tragward tal-100 goal.

Huwa żied goal ieħor bi cross-shot biex imbagħad skorja l-102 goals wara azzjoni personali.

Iċ-champions tad-dinja daħlu jistrieħu fil-vantaġġ ta’ ħames goals hekk kif Nico Gonzalez u Enzo Fernandez niżżlu isimhom fost l-iskorers. 

Angel Di Maria (78) u Gonzalo Montiel (87) issiġillaw din il-goleada tard fil-partita. 

Il-captain tal-Arġentina issa jinsab fit-tielet post tal-aqwa skorers tat-timijiet nazzjonali hekk kif huwa jinsabu wara l-Portugiż Cristiano Ronaldo (122) u l-Iranjan Ali Daei (109). 

 Huwa sara l-ewwel player maskili fl-Amerika t’Isfel li laħaq il-marka tal-100 goal u t-tieni in ġenerali … wara l-Brażiljana Marta, li skorja 109 goals għal pajjiżha.

Sport