Monday, December 23, 2024

IT-TREJD UNJINS

Aqra wkoll

Is-saħħa tat-trejdunjins fl-Ewropa ilha tmajna sa minn żmien il-Prim Ministru Thatcher fir-Renju Unit, forsi anke qabel. L-organizzazzjoni industrijali f’fabriki fejn ħafna ħaddiema kienu jinġabru flimkien għenet ħafna biex għaqdiet li jiddefendu lill-ħaddiema jiġu organizzati. Malli l-produzzjoni industrijali ma baqgħetx tirrekjedi dal-konċentrament, il-komunitajiet ta’ ħaddiema “qrib xulxin” iddgħajfu u magħhom is-solidarjetà bejniethom.

Għenu f’hekk l-impenn neo-liberali ta’ bosta gvernijiet li xorta baqgħu jiksbu suċċess elettorali. U l-globablizzazzjoni. Malajr, it-trejd unjins spiċċaw attivi l-aktar fis-setturi tal-gvern. Anke hawn madankollu, l-privatizzazzjoni ta’ ħidmiet governattivi serviet biex tkompli ddgħajjef lill-unjins.

Uħud għadhom jgħidu li din kienet kisba kbira għax il-unjins ma baqgħux arma ta’ gwerra soċjali li kienet serviet biex jinqerdu l-impjiegi fl-Ewropa.

Diffiċli taqbel ma’ dil-fehma. Minkejja kull ma jintqal, kemm ilhom li naqsu l-militanza u s-saħħa soċjali tat-trejd unjins, id-dħul ras imb’ras tal-ħaddiema Ewropej staġna f’termini reali.

L-IRĦIS U L-GĦOLI

Il-“greedflation” — l-għoli tal-prezzijiet għax negozjanti jiċċarġjaw prezzijiet eċċessivi — jeżisti, mela ma jeżistix. U f’Malta wkoll.

Imma waħdu ma jispjegax l-għoli tal-ħajja f’Malta, jew anke għaliex ta’ spiss il-prezzijiet jogħlew aktar minn f’pajjiżi oħra. Minħabba ċ-ċokon tagħna, l-volumi ta’ prodotti li nimportaw minn barra huma iċken, iċken sew, mill-volumi li jitwasslu f’destinazzjonijiet akbar. Terġa’, bħala gżira, il-modi ta’ trasport huma komplikati sakemm prodotti jaslu għandna — jinvolvu aktar minn mezz wieħed ta’ trasport.

Imbagħad l-istokkijiet li jistgħu jinżammu bi qligħ qabel jinbigħu bi qligħ bilfors iridu jinżammu huma wkoll fiċ-ċokon. Dan ifisser li l-ispejjeż relattivament għolja li jkollhom jitħallsu biex il-prodott jasal sa għand il-konsumatur ikunu jridu jinqasmu fuq numru żgħir ta’ prodotti, li żżid l-ispiża fuq kull wieħed. Meta ma’ dan kollu jitgħabba l-piż inaċċettabbli tal-“greedflation”, l-awtoritajiet għandhom jintervjenu b’kull dritt.

IL-BANEK DISTANTI

F’imgħoddi li llum jidher imbiegħed, il-banek kienu qrib ħafna taċ-ċittadini u tal-impriżi. Kienu jsegwu “personalment” xi jkun għaddej fost id-depożitanti u n-negozji li jkunu qed iħaddmu l-flus magħhom.

Illum ħafna minn dax-xogħol isir minn distanza bl-użu ta’ makni li jqassmu l-flus, telefownijiet li jagħmlu t-trasferimenti bankarji u messaġġi rekordjati. Hemm min iqis li x-xogħol bankarju qed isir dejjem aktar effiċjenti f’ċirkostanzi ta’ għaġla b’volum akbar ta’ negozju. Oħrajn isostnu li l-banek tilfu l-aqwa għodda li kienu jaħdmu biha: dik tal-intelliġenza “umana” biex jevalwaw in-negozji li daħlu għalihom.

U hemm min jargumenta li m’hemmx alternattiva għas-sistemi ta’ distanza li jintużaw illum. L-avvanzi teknoloġiċi jiddettaw kif isir in-negozju għax min ma jsegwihomx, se jintilef.

Ekonomija

Sport