Is-sehem tat-trejdunjins fis-setturi tal-kostruzzjoni u tal-manifattura huwa importanti u essenzjali għaliex minbarra li jagħtu vuċi lill-eluf ta’ ħaddiema fuq il-postijiet tax-xogħol, jagħmlulhom aħjar il-kwalità tal-ħajja tagħhom aħjar.
Dan stqarru s-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union (GWU) Josef Bugeja fil-bidu ta’ konferenza li qed issir f’Malta mill-European Federation of Building and Woodworkers (EFBWW) u l-European Trade Union Institute (ETUI).
Din il-konferenza kellha t-tema: “Rethinking Organising in Construction and Woodworking. From Fragmentation to Unity – Boosting Trade Union Representation.”
Fid-diskors tiegħu, Bugeja qal li l-valuri li jgħaqqdu lit-trejdunjins huma l-protezzjoni u d-difiża ta’ dawk l-aktar vulnerabbli fid-dinja tax-xogħol u dan f’kuntest ta’ ekonomija globali u f’dinja li qed tinbidel b’passi mgħaġġlin.
Għalhekk qal li ninħtieġu t-trejdunjins u movimenti biex nipproteġu lill-membri inġenerali tagħna. Dan jista’ jsir b’diversi modi billi nitkellmu magħhom, niddefenduhom u nilħqu l-bżonnijiet u l-aspirazzjonijiet tagħhom. Iżda l-attenzjoni għandha tibqa’ fuq in-negozjar kollettiv u finalment il-ftehim kollettiv.
Huwa semma l-iżvilupp li għadda minnu pajjiżna fosthom fl-ingaġġar ta’ ħaddiema barranin permezz ta’ riforma fit-temping agencies, il-prinċipju tal-equal pay for job of equal value kif ukoll il-ħaddiema tal-pjattaforma li sa ftit ilu ma kinux ikkunsidrati bħala impjegati imma llum is-sitwazzjoni hi kompletament differenti.
“Dan kollu jikkonferma mhux biss ir-rilevanza imma aktar u aktar il-ħtieġa għall-eżistenza tat-trejdunjins kemm lokali, fil-livell Ewropew u dak dinji,” tenna s-Segretarju Ġenerali tal-GWU.
F’kumment li ta lil dan il-ġurnal, is-Segretarju tat-Taqsima GWU Metall u Kostruzzjoni Jesmond Marshall qal li l-problemi li ġew diskussi f’din il-konferenza huma problemi li qed iseħħu madwar l-Ewropa kollha. Huwa kompla jgħid li għalhekk hu tajjeb li f’konferenzi bħal dawn jiġu mitħaddta l-prattiċi tajbin biex kulħadd jitgħallem mingħand xulxin.
L-Assistent Segretarju tal-istess taqsima, George Zahra, saħaq fuq l-importanza li l-ħaddiem ikun organizzat fi trejdunjin f’kull żmien.


