Matul is-sena li għaddiet, it-Tribunal Industrijali ddeċieda 80 każ, bil-parti l-kbira tagħhom (65) kienu dwar allegat tkeċċijiet inġusti. Ġew deċiżi wkoll 10 każijiet fuq allegat tkeċċijiet inġusti u allegat diskriminazzjoni, każ dwar allegat diskriminazzjoni/fastidju/vittimizzazzjoni, tliet każi dwar allegat ksur ta’ kuntratt u każ ieħor fejn ntalab il-parir tat-Tribunal. Barra minn hekk, 41 każ ġie solvut bonarjament bejn il-partijiet. Fl-aħħar tas-sena 2024 kien fadal 284 każ pendenti quddem it-Tribunal.
Dan ħareġ mir-rapport annwali tad-Dipartiment għar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjieg (DIER) għall-2024. Minn dan ir-rapport joħroġ kif is-sena l-oħra, saru 400 seduta quddiem it-Tribunal u tressqu b’kollox 139 każ.
It-Tribunal Industrijali, li s-sessjonijiet tiegħu jsiru fil-bini tal-Qorti, huwa tribunal indipendenti stabbilit skont l-Att dwar l-Impjiegi u r-Relazzjonijiet Industrijali u għandu kompożizzjoni varjabbli stabbilita mil-liġi skont in-natura tal-każ.
Din hija jew ta’ Chairperson waħdu li jntgħażel skont min ikun imissu minn panel ta’ Chairpersons, jew ta’ Chairperson u żewġ membri, wieħed magħżul minn panel ta’ persuni li jirrappreżentaw l-interessi ta’ min iħaddiem u l-ieħor minn panel ta’ persuni li jirrappreżentaw lit-trejd unjins.
Sadanittant, fir-rapport isir aċċenn ukoll għall-Unit il-ġdid fi ħdan id-DIER, li twaqqaf sabiex ikun jista’ jassisti lill-aġenziji tax-xogħol u kif ukoll iwettaq due diligence rigoruża fuq l-applikanti. Dan jitfa’ dawl fuq l-ammont ta’ aġenziji tax-xogħol liċenzjati, fejn dawn naqsu drastikament meta mqabbla mal-ammonti li kien hemm qabel iddaħħlu r-regolamenti fis-seħħ. Fil-fatt, ir-rapport tad-DIER juri li fl-2024 inħarġu 145 liċenzja, li 104 minnhom kienu aġenziji tat-temping u l-outsourcing, filwaqt li disa’ applikazzjonijiet oħra ġew miċħuda.
Ir-rapport juri wkoll li permezz tal-ispettorat, id-Dipartiment investiga lmenti ta’ persuni li kienu għadhom impjegati kif ukoll dawk li l-impjieg tagħhom kien ġie terminat. Permezz ta’ dawn l-investigazzjonijiet, id-DIER irkupra u ta lura €1.6 miljun f’pagi.
Fil-kummenti tiegħu, is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul irrimarka li d-Dipartiment kompla jpoġġi lilu nnifsu bħala kontributur essenzjali fis-settur tax-xogħol kif ukoll fil-kisbiet ta’ miri ewlenin. Qal ukoll li d-DIER, flimkien mal-imsieħba soċjali, kien kruċjali biex isiru diversi bidliet fid-dinja tax-xogħol ġewwa pajjiżna.
Is-Segretarju Parlamentari spjega illi filwaqt li d-Dipartiment assista mat-43,000 persuna, serva wkoll ta’ pont bejn it-trejdunjins u min iħaddem. “Dan il-Gvern ma jarax li jipproteġi l-ħaddiem biss imma jara wkoll li jkun ta’ sostenn għal min iħaddem,” qal Dr Ellul.