Thursday, February 6, 2025

Bejn l-2021 u l-2024 aktar minn 1,400 familja bbenefikaw minn €6.5 miljun biex installaw mat-13MWh ta’ ħażna ta’ batteriji domestiċi 

-Il-Ministru għall-Ambjent u l-Enerġija Miriam Dalli

Aqra wkoll

“Fl-innovazzjoni fil-qasam tal-enerġija qed ninvolvu wkoll lill-pubbliku. Bejn l-2021 u l-2024, aktar minn 1,400 familja bbenefikaw minn madwar €6.5 miljun biex installaw mat-13MWh ta’ ħażna ta’ batteriji domestiċi. Ix-xahar li għadda nehdejna sejħa pubblika għall-iżvilupp tal-ewwel proġett ta’ offshore floating wind farm. Bdejna l-pedament għall-Malta ta’ għada fil-qasam tar-rinovabbli”

Dan kien il-messaġġ li wasslet il-Ministru għall-Ambjent u l-Enerġija Miriam Dalli fil-Parlament hekk kif saret diskussjoni ġenerali  mingħajr vot dwar ir-Rapport Annwali dwar l-Iżvilupp Sostenibbli għas-sena 2023. Il-Ministru tal-Ambjent irrimarkat li l-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF)  ikkummentat fuq diversi inizjattivi li ttiħdu f’pajjiżna u li qed iħallu l-frott. 

Spjegat kif fost l-oħrajn, ir-rapport tal-IMF jinnota tkabbir fil-flotta ta’ vetturi elettriċi u ż-żieda fl-użu ta’ materjal li jiġi riċiklat jew jerġa’ jintuża. Qalet li fil-fatt, l-użu ta’ materjal ċirkolari laħaq il-15%, u kif jirraporta l-IMF stess din hija, waħda mill-ogħla rati fl-UE. Ir-rapport tal-IMF jikkonferma li l-istrateġija tal-Gvern biex jitbiegħed mill-miżbliet qiegħda taħdem.

Fid-diskors tagħha, il-Ministru Dalli għamlet referenz għall-aħħar Rapport dwar l-Iżvilupp Sostenibbli 2024 mis-Sustainable Solutions Network ikklassifika lil Malta fis-36 post minn 167 pajjiż b’punteġġ ta’ 77%. Qalet li meta mqabbel mar-Rapport 2023, Malta avvanzat ħames postijiet meta kienet ikklassifikat fil-41 post, b’punteġġ ta’ 75.5%. Riżultat pożittiv li jssaħħaħ l-impenn tagħna.

Irreferiet ukoll għall-aħħar statistika, minn mindu tnediet il-Pjattaforma tal-ESG, fejn ħareġ li n-numru ta’ intrapriżi li qed jirrappurtaw dwar il-kredenzjali tagħhom tal-ESG żdied minn 16 għal 33. Il-Ministru Dalli saħqet li b’mod pożittiv kien hemm numru ta’ kumpaniji li rrappurtaw dwar il-kriterji tagħhom irreġistraw tnaqqis fl-emissjonijiet tal-karbonju, filwaqt li oħrajn irreġistraw tnaqqis fl-ammont totali ta’ skart iġġenerat. Qalet li kien hemm ukoll kumpaniji li rreġistraw ukoll żieda fl-ammont ta’ nisa involuti fit-tmexxija tagħhom kif ukoll żieda fl-ammont ta’ sigħat li l-impjegati jiddedikaw għat-taħriġ. 

Qalet ukoll; “Huma dawn l-eżempji li nieħu gost nara u napprezza kif min jirraporta jkollu benchmark b’saħħtu ma’ xhiex iqabbel lilu nnifsu biex jirreġista l-progress.  Il-prinċipju li nemmen fih, li “what get measured, gets done” juri bil-fatti għal darb’oħra kemm hu prinċipju b’saħħtu u li jagħti riżultat”

Il-Ministru saħqet li matul l-2024, il-Gvern beda bil-proċess tad-diġitalizzazzjoni tal-eżerċizzju ta’ rappurtar tal-ESG bl-għan li l-Pjattaforma tal-ESG ssir aktar faċli għall-intrapriżi biex jirrapurtaw dwar il-kredenzjali tal-ESG tagħhom. Qalet li din il-pjattaforma aġġornata u aktar avvanzata  ser tkun qed titnieda fix-xhur li ġejjin. 

“Permezz ta’ diversi entitajiet bħall-Aġenzija Project Green, Ambjent Malta u l-Awtorita’ għall-Ambjent u r-Riżorsi, dan il-Ministeru issokta b’diversi proġetti sabiex noħolqu iżjed spazji miftuħa, inklużi parks u ġonna, sabiex dawn ikunu jistgħu jitgawdew mill-pubbliku. Dan qed isir bħal parti minn pjan fit-tul tal-Gvern sabiex jinħolqu spazji ta’ kwalità fejn il-familji jkunu jistgħu jistrieħu u jgawdu l-ambjent naturali fil-qalba tal-lokalitajiet tagħhom. Dawn il-proġetti u inizjattivi ser ikunu qed jikkontribwixxu fil-kisbiet ta’ SDG11 bliet u komunitajiet sostenibbli”, sostniet il-Ministru Dalli.

Dan filwaqt li enfasizzat li kompliet il-ħidma bl-impenn favur l-immaniġġjar ta’ bosta siti protetti, inklużi siti Natura 2000, kampanji u inizjattivi bħall-‘Saving Our Blue’, li lkoll qegħdin jgħinu wkoll biex jiġi salvagwardjat l-ambjent marittimu li jinstab madwar xtutna. Il-Ministru tal-Ambjent kompliet tispjega li b’din il-kampanja u b’kollaborazzjoni ma’ għaqdiet volontarji, matul is-sajf ġew organizzati numru t’attivitajiet ta’ tindif f’bajjiet u madwar xtajtiet f’Malta u Għawdex. Qalet li l-ammont totali ta’ skart miġbur għas-sena 2024 kien jammonta għal 2,390 kilogrammi. Bil-għan ewlieni li tkompli titqajjem kuxjenza dwar il-ħtieġa urġenti li jkun protett u preservat l-ambjent naturali u l-widien twettqet il-Kampanja annwali ‘The Island Clean-up’. 

Il-Ministru tal-Ambjent saħqet li dawn il-proġetti u inizjattivi ser ikunu qed jikkontribwixxu fil-kisbiet ta’ SDG11 bliet u komunitajiet sostenibbli, SDG14 ħajja taħt l-ilma u SDG15 ħajja fuq l-art. Qalet ukoll; “Biex il-liġijiet u l-inizjattivi favur żvilupp żostenibbli jkunu effettivi jeħtieġ bidla fil-mentalità u l-istil ta’ ħajja kif ukoll il-parteċipazzjoni attiva tal-individwi, familji, negozji, entitajiet governattivi, għaqdiet volontarji u ħafna oħrajn.  Riżultati pożittivi bħal dawn jistgħu jiġu attribwiti biss għall-isforz kollettiv ta’ kulħadd”.

Għalqet id-diskors tagħha billi saħqet fuq l-importanza li kulħadd jaħdem id f’id sabiex Malta tersaq aktar  lejn żvilupp ekonomiku, soċjali u ambjentali sostenibbli. Temmet tgħid; “Huwa b’dan il-mod li verament nagħmlu d-differenza, u flimkien nistgħu inkomplu niksbu l-għanijiet tagħna bl-aktar mod effettiv, komprensiv u konvinċenti.Għalhekk nappella għall-diskussjoni kostruttiva f’din l-istituzzjoni dwar l-iżvilupp sostennibli  sabiex il-punti li jqumu jkunu jistgħu jiġu ntegrati fit-tfassil tat-tieni VNR ta’ Malta dwar l-implimentazzjoni tal-SDGs”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport