Ir-residenti ta’ Pembroke se jkollhom aċċess għal ġnien ġdid fil-qalba tal-komunità tagħhom, hekk kif Project Green qed twettaq xogħlijiet f’żona li setgħet ġiet żviluppata.
Ix-xogħlijiet komplew javvanzaw waqt żjara fuq il-post mill-Ministru għall-Ambjent Miriam Dalli, il-Kap Eżekuttiv ta’ Project Green Joseph Cuschieri u t-tim ta’ Project Green flimkien mas-Sindku ta’ Pembroke Kaylon Zammit.
Iż-żona qed tiġi riġenerata permezz ta’ xogħlijiet li qed isiru f’dan il-ġnien ġdid b’użu ta’ materjali permeabbli, li jippermettu li l-ilma tax-xita jiffiltra b’mod naturali, filwaqt li jippromwovi l-immaniġġjar sostenibbli tal-ilma. Ix-xogħlijiet se jiżguraw ukoll li l-ġnien ikun aċċessibbli għal kull viżitatur.
Il-Ministru Dalli ddeskriviet ix-xogħol li qed jibdel ż-żona ta’ kważi 9,000 metru kwadru fi ġnien bħala wieħed trasformattiv. “Minflok ma nużaw din iż-żona biex nibnu appartamenti, qed noħolqu spazju aħdar u vibranti li jkun aċċessibbli għal kulħadd. Dan il-proġett jirrifletti l-impenn tal-Gvern biex jirriġenera u joħloq spazji miftuħa qrib ir-residenti,” qalet il-Ministru. Ġnien William Harding huwa wieħed minn diversi proġetti li mistennija jitlestew din is-sena.
Żona li kienet miksija bil-konkos issa qed tinbidel fi ġnien aħdar biex ittejjeb il-bijodiversità filwaqt li toffri spazju ta’ rikreazzjoni u rilassament. Dan il-proġett jinkludi ħajt tas-sejjieħ tradizzjonali ta’ 120 metru li ġie restawrat, kif ukoll ir-riġenerazzjoni ta’ ġibjun taħt l-art biswit is-sit biex jippromwovi l-użu sostenibbli tal-ilma.
Il-proġett jinkludi wkoll xogħlijiet ta’ skavar, fejn 1,800 metru kubu ta’ materjal, inkluż konkos u fdalijiet kbar, tneħħew u nħolqu mogħdijiet permeabbli.
F’Settembru li għadda, Project Green organizzat sessjoni ta’ konsultazzjoni mar-residenti biex tispjega fid-dettall il-proġett u tisma’ s-suġġerimenti tagħhom. Wara din il-konsultazzjoni, l-Aġenzija ħadet nota tal-kummenti tar-residenti u pproponiet disinji ġodda li inkludew aktar siġar u arbuxelli, biex tkun imħeġġa l-involviment tal-komunità.
Dwar dan il-punt, Joseph Borda, il-Manager tal-proġett, qal li, “Ix-xogħol f’dan il-ġnien beda hekk kif neħħejna l-konkos imbagħad bdejna nqiegħdu l-ħamrija biex b’hekk il-pass li jmiss ikun li jitħawlu s-siġar u l-pjanti. Proġett ieħor minn sensiela ta’ proġetti oħra li qed taħdem fuqhom Project Green f’Malta u Għawdex.”
Is-Sindku ta’ Pembroke Kaylon Zammit wera s-sodisfazzjon tiegħu li Project Green inkluda lil Pembroke fil-pjani tiegħu biex jipprovdi spazji miftuħa u ġonna fil-qalba tal-komunitajiet. Huwa qal li dan il-ġnien ser jitgawda mir-residenti u ser iservi ta’ pulmun aħdar fil-lokalità. Is-Sindku tenna li grazzi għal kollaborazzjonijiet bħal dan il-proġett jwasslu biex jiġu implimentati inizjattivi għal ġid tar-residenti ta’ Pembroke.