Sunday, September 14, 2025

‘It-Triq il-Ġdida’ fil-Furjana qed tqarreb il-100 sena

Aqra wkoll

Id-Direzzjoni tal-gazzetta Furjaniża ‘IL-FURJANA’, għadha kif ippubblikat ħarġa ġdida. Din hi t-tielet waħda għal din is-sena. Din il-ħarġa ta’ Settembru, tinkludi fost l-oħrajn l-ewwel parti minn feature speċjali b’tagħrif u numru ta’ ritratti storiċi ta’ triq ewlenija fil-lokalità, li għalkemm għadha magħrufa popolarment bħala ‘t-triq il-ġdida’, fil-fatt qed tqarreb il-100 sena.

Din it-triq fil-Furjana, li hi pjuttost qasira, tgħaqqad l-inħawi fejn illum hemm il-Monument tal-Gwerra mas-sur tal-belt kapitali min-naħa tal-Berġa ta’ Kastilja. Meta inbniet madwar seklu ilu, kienet issemmiet Vjal id-Duka ta’ York, għalkemm fiha qatt ma kien hemm is-siġar għajr għal dawk il-ftit li hemm illum il-ġurnata qrib il-monument imsemmi.

Wara li Malta kisbet l-Indipendenza mir-Renju Unit fil-21 ta’ Settembru tal-1964, din it-triq inbidlilha isimha għal Triq (jew Vjal) Ġilormu (jew Ġlormu inkella Girolamo) Cassar, li kien wieħed mill-aqwa arkitetti militari Maltin fiż-żmien li fi fih l-Kavallieri kienu jmexxu l-gżejjer Maltin.

Bis-saħħa tad-Direttur Artistiku tal-gazzetta, Joseph A. Cachia, ir-ritratti antiki li l-oriġinali kienu Black & White, permezz tal-aħħar teknoloġija ngħataw il-kulur. B’hekk qed jidhru aktar reali.

L-effett ta’ din it-teknoloġija se jidher mill-ewwel minn dawn ir-ritratti antiki li qed jakkumpanjaw din l-ewwel parti ta’ dan il-feature. It-tieni parti tal-artiklu, flimkien ma’ iżjed ritratti, ikunu ppubblikati fil-ħarġa li jmiss tal-gazzetta Furjaniża.

Intant il-ħarġa ta’ Settembru ta’ ‘IL-FURJANA’, tinkludi wkoll tislima lil Francis Said li kien xandar u kittieb Furjaniż li baqa’ magħruf għall-programmi għat-tfal li kien jippreżenta fi żmien ir-Rediffusion.

Hu baqa’ magħruf bl-isem ta’ ‘Ziju Frans’ kif kien jismu l-personaġġ tiegħu fil-programmi imsemmija. Said, li kien wieħed mill-ixjeħ Furjaniżi, miet aktar kmieni din is-sena.

Jake Muscat kiteb dwar il-‘Furjaniżi eżiljati fl-Uganda’. Artiklu ieħor jagħti tagħrif dwar il-Knisja tal-Kapuċċini fil-Furjana u l-Indulġenza Plenarja tal-Ġublew tat-Tama li qed ikun ċċelebrat tul din is-sena. Din il-Knisja kienet inkluża fil-lista mħabbra mill-Kurja tal-Arċisqof ta’ knejjes li wieħed seta’ jżur biex jaqla’ l-indulġenza plenarja tal-Ġublew.

Din il-ħarġa bħas-soltu fiha wkoll il-Paġna tal-Kunsill Lokali Floriana u tagħrif dwar il-ħajja fil-Furjana u l-Furjaniżi tal-lum.

 Min jixtieq jakkwista kopja tal-ħarġa ta’ Settembru tal-gazzetta ‘IL-FURJANA’ jista’ jċempel fuq in-numri 79339649 jew 99821494,  jew jikteb fuq l-indirizzi elettroniċi [email protected] jew [email protected]. L-indirizz postali hu ‘IL-FURJANA’, 44 Triq il-Kapuċċini l-Furjana FRN 1033.

L-istess dettalji jistgħu jintużaw ukoll minn min jixtieq jabbona fil-gazzetta għal ħames ewro biss fis-sena, inkella jixtieq jakkwista xi kopja ta’ xi ħarġiet imgħoddija tal-gazzetta.

Bl-istess mod wieħed ukoll jista’ jakkwista kopja tal-ktieb dwar il-Furjana, bit-titlu ‘Floriana & il-Furjaniżi – A Tri-Centenary Commemoration’ li l-gazzetta ppubblikat is-sena li għaddiet fl-okkażjoni tat-300 sena mit-twaqqif tal-belt tal-Furjana. Dan il-ktieb intgħażel bħala wieħed mill-kotba finalisti għall-Premju Nazzjonali tal-Ktieb 2025 fil-kategorija tar-Riċerka Storjografika.

ld-Direzzjoni tal-gazzetta tixtieq ukoll tinforma li għad fadlilha wkoll għall-bejgħ numru żgħir ta’ kopji tal-kotba li ppubblikat fis-snin li għaddew dwar il-Knisja ta’ San Publju u dwar l-Ark Trijonfali ta’ San Publju li kien inqered bin-nar xi snin ilu. Min jixtieq jakkwista kopja jista’ jagħmel kuntatt bil-mod imsemmi hawn fuq.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport