Sunday, November 24, 2024

It-triq lejn id-Deca: Borg Cardona & Co jappoġġjaw lil Fabio Spiteri

Aqra wkoll

Borg Cardona & Co. Ltd il-ġimgħa li għaddiet ħabbru li ser jappoġġjaw lil Fabio Spiteri fl-aħħar sfida tiegħu – biex jieħu sehem fid-Deca: 10 distanzi tal-Ironman fuq 10 ijiem infila, wieħed kuljum – u fil-proċess jiġbor €100,000 għal santwarji tal-annimali u feeders tal-qtates.

Nigel Borg Cardona, Direttur ta’ Borg Cardona & Co., qal li mill-ewwel aċċettaw l-istedina ta’ Fabio biex ikunu parti mill-avventura tiegħu. “Se nagħmlu l-almu tagħna biex niżguraw li l-fondi kollha miġbura jintefqu fuq ikel u mediċini li dawn l-annimali għandhom bżonn, u b’hekk jitnaqqas il-piż fuq is-santwarji u l-feeders,” qal is-Sur Borg Cardona.

Id-Deca ser issir f’Burioz, madwar 150 km ’il bogħod minn Rio de Janeiro, fil-Brażil, f’Mejju tal-2023. Atleti mill-Awstralja, il-Brażil, il-Greċja, l-Italja, l-Iżvizzera, il-Kolumbja, il-Messiku, il-Polonja u l-Ungerija ser jieħdu sehem ukoll f’dan l-avveniment ultra. Dan jikkonsisti f’għawma ta’ 38 km (id-distanza bejn iċ-Ċirkewwa u Marsaxlokk), ġirja bir-rota ta’ 1,800 km (darbtejn madwar Sqallija) u ġirja ta’ 421 km (10 maratoni) mifruxa fuq 10 ijiem.

Kif spjega Fabio: “Mhux il-każ li sempliċiment tfaqqa’ subgħajk u tagħmel Deca. Dan huwa proċess twil. Ilni attiv fl-isport għal 26 sena u ilni nieħu sehem f’avvenimenti ultra mill-2017. Trid timxi pass pass.”

Il-progress ta’ Fabio ħaditu minn Ironman għat-tripplu ta’ Ironman, għal kwintu (ħames distanzi ta’ Ironman) – l-ewwel u l-uniku Malti li kiseb din l-impriża – li temm b’suċċess fi Franza s-sena l-oħra. “Minn kwintu tmur dritt għal Deca – m’hemm l-ebda pass intermedju. Globalment, 96 atleta maskili temmew id-Deca. Nispera li nkun hemm mal-aqwa 100,” huwa qal.

Fabio, li se jkollu 49 sena meta jieħu sehem fid-Deca, qed jantiċipa li l-problemi, jekk ikun hemm, se jseħħu wara l-ħames jum. “Huwa diffiċli li tantiċipa x’tip ta’ ħin se nikseb. Se nibda kuljum fis-7 a.m. wara li lestejt l-Ironman tal-ġurnata ta’ qabel (inkella nkun skwalifikat).

“L-ewwel irrid ngħum 3.8 km f’lag magħmul mill-bniedem. Se nkun liebes wetsuit peress li t-temperatura tal-ilma se tkun madwar 18°C-19°C u ma rridx nitlef it-temperatura tal-ġisem u niksaħ. Imbagħad ikolli ġirja bir-rota ta’ 180 km fuq rotta ta’ 10 km fi triq simili għal dik tat-Triq tal-Kosta iżda mdawwra bis-siġar u bil-pappagalli jtiru kullimkien.

“L-aħħar parti hija maratona sħiħa – 42.2 km – fuq rotta ta’ 5 km ukoll simili għat-Triq tal-Kosta f’temperatura tal-arja ta’ madwar 25°C-26°C, li hija ideali għalija. Se jkolli support crew

miegħi, li jikkonsisti f’ibni Aiden u masseur, Philip Cachia. L-idea hi li nieqfu kull tlieta jew erba’ sigħat għal 15-il minuta għal massaġġi ta’ malajr.”

Xogħol Aiden se jkun li jsajjar għal missieru u jnaddaflu r-rota meta jtemm il-ġirja tiegħu, jagħti ż-żejt lill-katina u jara li hi miżmuma tajba. Fabio qed ifittex it-tielet voluntier biex jakkumpanjah għax it-tielet kompitu tat-tim, li huwa daqstant vitali, huwa li jagħmluha ta’ motivaturi – “jistgħu jiġu ħinijiet meta moħħi jibda ma jiffunzjonax sew u jkolli bżonn motivaturi biex iżommuni għaddej”.

Fabio beħsiebu jivvjaġġa lejn il-Brażil ħamest ijiem qabel it-tellieqa biex jippermetti biżżejjed ħin biex jegħleb il-jetlag u biex il-ġisem tiegħu jidra l-ikel lokali. “Jekk għandek menù ta’ 20 oġġett, tispiċċa tiekol tlieta jew erba’ affarijiet. Qed tieħu fluwidi l-ħin kollu. Se naħdem ħafna biex nieħu noodles bħala carbs. Se nieħu proteina jekk il-ġisem jaċċettaha.

“Ikun hemm ħinijiet f’avvenimenti estremi, meta tkun taħt stress, li l-istonku jagħlaq u għandek problemi ta’ nutrizzjoni. Imbagħad naqgħu fuq superfoods. Dan huwa shake b’500 kalorija li hija l-ekwivalenti ta’ ikla waħda.”

Issa li fadal biss sitt xhur mill-bidu tad-Deca, Fabio għadu mhux qed jitħarreġ b’mod aggressiv – 20 siegħa ‘biss’ fil-ġimgħa. Bejn Jannar u Marzu, it-taħriġ ser isir ix-xogħol full-time tiegħu, u jżid l-għawma tiegħu, il ġiri bir-rota, u l-ġiri fit-triq għal 35 sa 40 siegħa fil-ġimgħa ta’ intensità baxxa sa medja, għalkemm se jkopri 250 km f’daqqa fuq ir-rota tiegħu. Huwa ċaqlaq xogħlu għal filgħaxija, u ħalla filgħodu u wara nofsinhar għat-taħriġ.

Imbagħad, 45 jum qabel l-avveniment, huwa se jagħmel l-itwal sessjoni ta’ taħriġ tiegħu: distanza ta’ 10 nofs Ironman – nofs dak li jrid ilesti – wieħed kuljum, sabiex jekk ikun tħarreġ iż-żejjed ikollu ħin biex jittaperja t-taħriġ tiegħu u jġib lilu nnifsu fl-aħjar forma li jista’ għall-isfida.

Fabio jinsab kunfidenti li jista’ jibni fuq l-esperjenza miksuba meta ħa sehem f’avvenimenti ultra preċedenti biex itemm id-Deca. “Tgħallimt inneħħi l-uġigħ u nista’ niżolah,” huwa qal. Dan jinkludi ġilda misluħa, telf tal-feeling fis-swaba u anke saqajn minfuħin miż-żamma tal-ilma. “Għandi strateġija biex nindirizzahom.”

Dak li se jimmotivah aktar hija l-missjoni tiegħu li jiġbor fondi għal santwarji tal-annimali u feeders tal-qtates. Il-flus kollha li ser jinġabru ser jitqassmu permezz tal-Fondazzjoni Real Animal Rights (RAR), karità reġistrata.

Matul l-istorja tagħha ta’ kważi 75 sena, Borg Cardona & Co ġiet xprunata minn passjoni li ġiet minn imħabba lejn l-annimali. Il-kumpanija ilha numru ta’ snin tassisti assoċjazzjonijiet u individwi marbuta mal-benesseri tal-annimali.

“Aħna dejjem emminna li, jekk ksibna s-suċċess tagħna mill-bejgħ ta’ prodotti għall-annimali, huwa d-dmir tagħna li nħallsu lura parti mill-profitti tagħna lil dawn l-assoċjazzjonijiet u individwi,” qal is-Sur Borg Cardona.

Huwa awgura lil Fabio kull suċċess, kemm fil-parteċipazzjoni tiegħu fid-Deca kif ukoll fl-isforzi tiegħu biex jiġbor fondi għall-annimali fil-bżonn.

Sport