Saturday, May 4, 2024

It-tul tal-ħajja f’Malta naqas bi tliet xhur

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Waqt li matul l-aħħar snin t-tul tal-ħajja li jgħixu l-Maltin kien qiegħed dejjem jiżdied fejn minn 81.5 snin fis-sena 2010 kien tela’ għal 82 fis-sena 2015 u 82.9 fis-sena 2019, issa qed jirriżulta li matul is-sena 2020 it-tul ta’ ħajja naqas. Filfatt dan naqas għal 82.6 snin, jew tnaqqis ta’ tliet xhur. Ir-raġuni għal dan hi attribwità għall-imwiet mill-pandemija.

F’rapport dettaljat mill-Kummissjoni Ewropea imsejjaħ ‘L-Istat ta’ Saħħa fl-Unjoni Ewropea’, jibda biex jgħid li Malta għandha it-tieni l-aħjar rata ta’ tul ta’ ħajja fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea minkejja li din naqset bi ftit matul is-sena 2020 minħabba imwiet kawżati mill-Covid19. Ir-rapport jgħid li ċ-ċittadini Maltin jagħmlu iżjed żmien jgħixu fi stat ta’ saħħa tajjeb minn ċittadini ta’ pajjiżi oħra Ewropea għalkemm jgħid li r-rata għolja ta’ obesità qed tpoġġi sfidi fuq is-sistema tas-saħħa. 

Ir-rapport jgħid li l-imwiet minn mard tal-qalb u anke mill-kanċer naqsu drastikament f’aħħar snin imma imwiet mid-dijabete baqgħu għoljin. 

L-ogħla rata ta’ obeżità

Ir-rapport jgħid li r-rata ta’ obeżità f’Malta hi l-akbar waħda fl-Unjoni Ewropea.  Jgħid li hemm aktar minn kwart tal-adulti li huma kklassiifkati bħala li għandhom piż żejjed.  Ir-rapport jgħid li dan hu dovut għal fatt dieta mhix tajba u nuqqas ta’ attività fiżika. 

L-infieq fuq is-saħħa żdied sostanzjalment

L-istess rapport jgħid li Malta kellha waħda mill-akbar żidiet fin-nefqiet fuq is-saħħa fl-Unjoni Ewropea bejn is-sena 2008 u s-sena 2018.  Jgħid iżda li l-infieq ras għal ras meta mqabbel mal-Prodott Gross Domestiku baqa’ wieħed inqas minn dak tal-medja tal-Unjoni Ewropea. 

It-tul tal-ħajja

Dwar it-tul tal-ħajja ir-rapport jgħid li matul is-sena 2020, it-tul  ta’ għixien f’Malta kien ta’ 82.6 snin.  Dan ifisser sentejn aktar mill-medja tal-Unjoni Ewropea. Jgħid li sa mis-sena 2000, it-tul ta’ ħajja f’Malta kien qiegħed dejjem jogħla u fil-fatt żdied b’4.1 snin. Dan hu akbar mill-medja Ewropea, fejn iż-żieda kienet ta’ 3.3 snin.  Ir-rapport jgħid li l-akbar titjib fit-tul ta’ ħajja seħħ bejn is-sena 2000 u s-sena 2010, fejn f’dak iż-żmien it-tul ta’ ħajja kien żidied bi tlett snin.  Jgħid li t-titjib fit-tul ta’ ħajja mexa aktar bil-mod fis-snin ta’ wara u tjieb f’1.1 snin, li hi rata aħjar minn dik tal-medja Ewropea, fejn it-titjib kien ta’ 8 xhur. 

Waqt li l-pandemija naqqset it-tul ta’ ħajja f’Malta bi tlett xhur, it-tnaqqis f’Malta hu ferm inqas minn dak tal-Ewropa, fejn hemmhekk it-tul ta’ ħajja naqas b’seba’ xhur. 

L-irġiel kienu l-aktar affettwat bit-tnaqqis fit-tul ta’ ħajja fejn dan naqas b’errba shur bejn is-sena 2019 u s-sena 2020 waqt li tan-nisa baqa’ l-istess. 

Mir-rapport joħroġ li l-aktar niesa li jgħixu fl-Ewropa huma in-Norveġiżi b’rata ta’ 83.3 snin, warajhom l-Iżlanda b’83.1 snin, l-Irlanda b’82.8 snin u warajhom Malta.  Warajna jiġu l-Italja b’82.4 snin, Spanja b’82.4 u l-Iżvezja b’82.4 sninn. Ir-Rumanija u l-Bulgarija għandhom l-agħar rati ta’ għixien b’74.2 u 73.6 rispettivament.

Imwiet minn mard tal-qalb u kanċers

Ir-rapport jgħid li bejn is-sena 2000 u s-sena 2018 ir-rata ta’ imwiet mill-mard tal-qalb naqset b’50 fil-mija waqt li dik tal-kanċers naqset b’14 fil-mija. Jgħid li xorta waħda l-akbar ammont ta’ imwiet iseħħu mill-mard tal-qalb b’34 fil-mija u 28 minn kanċers. 

Imwiet mill-Covid-19

Dwar l-imwiet mill-Covid-19, intqal li r-rata ta’ imwiet f’Malta kienet ta’ 46 fil-mija mill-medja fl-Unjoni Ewropea. 

Ir-rapport jgħid ukoll li r-rata ta’ fertilità f’Malta hi ferm inqas inqas minn dik Ewropea, fejn dik Ewropea hi ta’ 1.5, waqt li dik f’Malta hi ta’ 1.1. Il-ġid nazzjonali f’Malta ras għal ras ukoll hu inqas minn dak tal-Unjoni Ewropea, fejn il-gid nazzjonali f’Malta ras għal ras hu ta’ 28,746, waqt li fl-Unjoni Ewropea kollha hu ta’ 29,801.  Dwar il-rata ta’ povertà relattiva, naraw li r-rata f’Malta ukoll għadha aktar għolja minn dik tal-Unjoni Ewropea, fejn ir-rata fl-Unjoni Ewropea hi ta’ 16.5 fil-mija waqt li dik f’Malta hi ta’ 17.1 fil-mija. 

Sport