Sunday, November 24, 2024

It-Tuneżija maħkuma minn instabbiltà politika

Aqra wkoll

It-Tuneżija kompliet tin­ħakem minn instabbiltà politika hekk kif fi tmiem il-ġimgħa li għadda l-President Kais Saied qal li se jxolji l-kunsill indipendenti li jħares fuq il-ġudikaturi. Dan huwa l-aħħar żvilupp minn serje ta’ mossi li għadd ta’ kritiċi qed jgħidu li bil-mod il-mod se jwasslu għal tmexxeija awtoritarja f’dan il-pajjiż. 

Min-naħa l-oħra, il-kap ta’ Kunsill Suprem tal-Imħallfin qal li d-deċiżjoni tal-President hija illegali hu huwa qal li se jkompli jaħdem b’mod normali. Il-President qiegħed jakkuża lill-imħallfin b’korruzzjoni u b’favuri.

Dan il-kunsill kien ġie ffurmat fl-2016 u huwa wieħed indipendenti. L-għan tiegħu huwa li jiggarantixxi li s-sistema ġudizzjarja tkun waħda indipendenti.  Il-President Saied kien saħħaħ il-ħakma tiegħu fuq il-poter f’Lulju tas-sena li għaddiet meta kien keċċa lill-Prim Ministru u ffriża l-parlament. Wara huwa assuma t-tmexxija tal-pajjiż u qal li se jbiddel il-kostituzzjoni. Filwaqt li fuq naħa hemm dawk li qed jakkużaw lil dan il-president li qiegħed iressaq il-pajjiż lejn tmexxija awtoritarja, l-attivisti tie­għu laqgħu din l-aħbar u qalu li kien hemm bżonn li dan il-pajjiż ineħħi din is-sistema li jqisuha bħala korrotta. 

Fl-2011 it-Tuneżija kienet esperjenzat rivoluzzjoni fejn il-mexxej Zine al-Abidine Ben Ali kien tneħħa mill-kariga. Dan l-episodju kien ta bidu għal dik li baqgħet magħrufa bħala r-Rebbiegħa Għarbija. 

Sport